Tikketti
Tikketta ta' identifikazzjoni hija kwalunkwe element fiżiku li fih dejta ta' identifikazzjoni u informazzjoni dwar il-prodott, u li jitqiegħed fuq prodott jew fuq l-imballaġġ tiegħu.
L-aktar materjali użati komunement għat-tikketti huma l-karta u film tal-plastik, li ħafna drabi jiġu b'informazzjoni stampata fuq quddiem u saff adeżiv fuq wara (tikketti adeżivi). Madankollu, hemm bosta tipi differenti ta' tikketti. Il-materjali jvarjaw, kif ukoll it-tip ta' adeżiv, it-tip ta' appoġġ użat (eż. karta tas-silikon), it-teknoloġija tal-istampar, il-livell ta' reżistenza għall-aġenti atmosferiċi jew it-tip ta' użu.
It-tikketti tal-identifikazzjoni jistgħu jitqiegħdu fuq kull tip ta’ imballaġġ u kontenitur, inklużi kaxxi tal-kartun, fliexken tal-ħġieġ, vażetti jew basktijiet tal-plastik, jew direttament fuq il-prodott innifsu (pereżempju, fil-każ ta’ ħwejjeġ jew xedd is-saqajn). Meta jiġu vvalutati l-għażliet ta’ implimentazzjoni, ta’ min jikkunsidra jekk jistax ikun irħas li jiġu inkorporati ċerti soluzzjonijiet fix-xogħol artistiku li se jiġi stampat direttament fuq il-kartun, il-plastik jew il-kmiem li jinxtorbu, sabiex ma jkun hemm bżonn li jsiru l-ebda bidliet fil-proċess normali tal-produzzjoni.
It-tikketti jistgħu jiġu kkombinati ma’ diversi teknoloġiji oħra għal sigurtà mtejba. Meta jiġu kkombinati ma’ tikketti ta’ identifikazzjoni bil-frekwenza tar-radju (RFID) jew apparati ta’ komunikazzjoni fil-qrib (NFC), dawn isiru ‘tikketti intelliġenti’.