Dawn it-tipi ta’ tikketti ġeneralment jiġu fil-forma ta’ biċċa żgħira ta’ drapp li ġġorr l-isem tad-ditta, id-dettalji tal-kumpanija u xi informazzjoni dwar il-prodott – l-oriġini, id-daqs, il-kontenut, l-istruzzjonijiet tal-ħasil, eċċ. Huma mod effettiv biex jiġu identifikati l-prodotti, speċjalment meta kkombinati ma’ karatteristiċi oħra ta’ sigurtà, bħal barcode jew ologramma. Għal kapaċitajiet imtejba kontra l-falsifikazzjoni, jistgħu saħansitra jiġu kkombinati ma’ marka RFID biex isiru ‘tikketti intelliġenti’. It-tikketti tad-drapp jistgħu jkunu minsuġa jew stampati, bil-logo jew il-kliem minsuġ fil-biċċa drapp jew stampati fuqha, rispettivament.
It-tikketti tad-drapp huma versatili ħafna għax jistgħu jiġu kkombinati ma’ diversi karatteristiċi oħra ta’ sigurtà biex jipproduċu tikketti b’livelli differenti ta’ sofistikazzjoni. L-aktar tikketti sempliċi sempliċement juru informazzjoni dwar il-prodott u kodiċijiet ta’ identifikazzjoni (ġeneralment barcodes). It-tikketti aktar kumplessi jinkorporaw karatteristiċi ta’ sigurtà aktar avvanzati, bħal ologrammi, ħjut tas-sigurtà u fibri traċċatur . L-aktar kumplessi – ‘tikketti intelliġenti’ – jinkorporaw tikketti RFID jew saħansitra apparati NFC għal meta l-oġġetti jkunu partikolarment ta’ valur.
Id-daqsijiet standard tikketta ġeneralment ivarjaw bejn 20 mm u 70 mm, skont it-tip ta’ prodott u l-ħtiġijiet tal-kummerċjalizzazzjoni. It-tikketti minsuġin huma l-aktar tip komuni użat għall-ħwejjeġ u l-aċċessorji, peress li l-ħajta fina tagħhom tippermetti li jiġu inklużi aktar dettalji fil-kliem u l-mudelli. It-tikketti stampati jintużaw ukoll għall-ħwejjeġ, u huma l-aktar komuni mwaħħla jew stampati direttament fuq ġewwa tal-prodott.
It-tikketti tad-drapp jintużaw l-aktar għal prodotti tat-tessuti u tal-ġilda b'mod ġenerali, u b'mod partikolari għall-ilbies u ż-żraben.
Jekk trid timplimenta din it-teknoloġija, ser ikollok bżonn tirrevedi l-mod kif it-tikketti jitwaħħlu mal-prodotti tiegħek, sabiex tiżgura li tintuża ħjata robusta. Huwa rakkomandat li l-ħjata ssir b'tali mod li t-tneħħija tirriżulta fi ħsara viżibbli lill-prodott. Bħal fil-każ ta' tipi oħra ta' tikketti, soluzzjonijiet parzjalment jew kompletament awtomatizzati huma disponibbli għal dawk it-tikketti tad-drapp li m'għandhomx għalfejn jiġu applikati manwalment, skont il-kwantità li għandha tiġi applikata.
L-ispejjeż assoċjati ma’ tikketti sempliċi tad-drapp huma pjuttost baxxi; l-ispejjeż assoċjati ma’ ‘tikketti intelliġenti’ jiddependu ħafna fuq il-karatteristiċi tat-teknoloġiji addizzjonali involuti.