Tikketta adeżiva hija biċċa karta żgħira jew materjal ieħor li huwa ddisinjat biex jitwaħħal ma' biċċa karta jew oġġett ieħor akbar permezz ta' saff ta' kolla fuq wara. Bħat-tikketti tad-drapp, it-tikketti adeżivi li jitwaħħlu mal-prodotti jkollhom kodiċijiet ta' identifikazzjoni stampati – ġeneralment barcodes – u informazzjoni dwar il-prodott.
It-tikketti adeżivi jistgħu jsiru b'varjetà ta' materjali differenti u jitwaħħlu ma' varjetà ta' appoġġi differenti. Bħat-tikketti tad-drapp, jistgħu jiġu kkombinati ma' karatteristiċi oħra ta' sigurtà aktar avvanzati, bħal ologrammi personalizzati, linka varjabbli ottika (OVI), fibri traċċatur u tikketti RFID.
L-adeżiv ġeneralment ikun magħmul minn gomma, akriliku jew taħlita ta' akriliċi skont it-tip ta' prodott u l-ambjent li l-prodott ikun espost għalih. L-adeżivi tal-gomma jaħdmu tajjeb fuq ħafna tipi ta' uċuħ, iżda huma inqas reżistenti għat-temperatura u d-dawl UV minn adeżivi oħra. L-akriliku huwa inqas adattat għal uċuħ tal-plastik, iżda aktar reżistenti għas-solventi u jdum aktar. L-adeżivi tat-taħlita akrilika joffru l-ogħla reżistenza, iżda huma wkoll suxxettibbli li jitilfu l-effett tagħhom taħt espożizzjoni għas-sħana u d-dawl UV.
It-tikketti adeżivi jistgħu jintużaw fuq firxa wiesgħa ħafna ta’ prodotti u jistgħu jitwaħħlu direttament kemm mal-prodott kif ukoll mal-imballaġġ.
L-implimentazzjoni ta’ din it-teknoloġija se teħtieġ li jsiru bidliet fl-istadju tal-proċess tal-produzzjoni li fih it-tikketti jitwaħħlu mal-prodott. Bħal fil-każ ta’ tipi oħra ta’ tikketti, hemm disponibbli soluzzjonijiet parzjalment jew kompletament awtomatizzati għal dawk it-tikketti vojta li m’għandhomx għalfejn jiġu applikati manwalment, skont il-kwantità li trid tiġi applikata.
L-ispejjeż assoċjati ma’ tikketti adeżivi sempliċi huma pjuttost baxxi; l-ispejjeż assoċjati ma’ ‘tikketti intelliġenti’ jiddependu ħafna fuq il-karatteristiċi tat-teknoloġiji addizzjonali involuti.