L-iskop ewlieni ta’ din it-teknoloġija huwa li tiżgura d-dejta stampata fuq dokumenti u imballaġġ. Dan tagħmlu billi tuża pressjoni jew sħana biex tapplika film tal-plastik fuq il-paġni jew uċuħ oħra li jeħtieġu li jiġu protetti. Il film tal-plastik se jkollu karatteristiċi ta’ sigurtà speċifiċi mibnija permezz tal-proċess tal-applikazzjoni tiegħu – pereżempju elementi stampati, tattili jew bil-kulur – għal protezzjoni żejda.
Dawn li ġejjin huma t-tliet proċessi l-aktar komuni użati biex tinbena s-sigurtà fil-film.
- Stampar żejjed – l-elementi tas-sigurtà tipikament jiġu stampati fuq wara (in-naħa ta’ ġewwa) tal-film tas-sigurtà jew bejn is-saff adeżiv u l-film biex jipproteġuhom minn ħsara u tbagħbis (ġeneralment jiġu stampati permezz ta’ stampar bl-iskrin, rotokalk jew stampar flessografiku).
- Intaljar – il film tas-sigurtà huwa intaljat b'elementi tattili, bħal linji rqaq, mudelli kumplessi ta' linji rqaq jew mikro-stampi.
- Inkorporazzjoni permezz tal-legatura – din it-teknika ġeneralment tipproteġi r-ritratti u d-dejta tal-identifikazzjoni personali stampata fil-passaporti. Biex jiġi evitat it-tbagħbis, il-film jiġi inkorporat fil-ktieb tal-passaport permezz tal-irbit, sabiex strixxa tal-film tifforma marġni żgħir fuq il-paġna ta' ħdejha, fuq wara tad-dokument.
Żewġ proċessi oħra, inqas komuni, huma l-użu ta' film irridixxenti, li għandu effett brillanti u perlaxxenti u jibdel il-kulur meta jidher minn angoli differenti, u film li jirrifletti lura, li jsir viżibbli permezz ta' apparat speċifiku tal-vista li juża dawl koassjali.
Il-films tas-sigurtà jintużaw l-aktar fuq dokumenti – pereżempju passaporti u karti tal-identità.
Jekk trid tuża film tas-sigurtà, ikollok bżonn tinkorpora pass fil-proċess tal-produzzjoni biex tapplika l-film mal-partijiet tad-dokument li jeħtieġ li jiġu protetti.
Peress li hemm tant għażliet għall-implimentazzjoni ta' film tas-sigurtà, huwa diffiċli li tingħata idea ġenerali hawnhekk tal-ispejjeż involuti.