Apparati kontra l-alterazzjoni jipprevjenu 'mekkanikament' li prodott jiġi mibdul fl-imballaġġ oriġinali tiegħu. Għalkemm apparati speċifiċi jistgħu potenzjalment isiru għat-tipi kollha ta' prodotti, l-aktar eżempju komuni huwa t-tapp kontra t-topping-up jew kontra l-mili mill-ġdid – apparat li jinkludi ballun żgħir wieħed jew aktar li jiddaħħal fl-għonq ta' flixkun. Din is-sistema tippermetti li l-likwidu jitferra' 'l barra mill-flixkun, iżda mhux jitferra' ġewwa, u b'hekk jipprevjeni kwalunkwe mili jew mili mill-ġdid.
Din it-teknoloġija hija applikata ħafna fl-industrija tax-xorb alkoħoliku biex tipprevjeni l-falsifikazzjoni tal-inbejjed u l-ispirti. Meta fliexken tax-xorb vojta jintbagħtu għar-riċiklaġġ, ħafna drabi jiġu interċettati, mimlija b'imitazzjonijiet irħas u mibjugħa mill-ġdid bħala l-prodott oriġinali u ta' valur. Apparati kontra l-alterazzjoni fil-forma ta' tappijiet kontra l-mili mill-ġdid iwaqqfu dan milli jiġri billi jqiegħdu valvi f'direzzjoni waħda fl-għenuq tal-fliexken u b'hekk jagħmluha impossibbli li l-likwidu jerġa' jitferra' ġewwa.
Apparati kontra l-alterazzjoni jistgħu jiġu kkombinati wkoll ma' tikketti shrink sleeve imqiegħda fuq it-tappijiet u l-għotjien tal-fliexken u l-vażetti, sabiex jipprevjenu aktar it-tbagħbis u l-alterazzjoni.
Min-natura tagħhom, dawn l-apparati huma maħsuba biex jintużaw speċifikament mal-prodott/prodotti li għalihom ġew iddisinjati.
Kwalunkwe tibdil li jeħtieġ li jsir fil-proċess tal-produzzjoni sabiex tiġi implimentata din it-teknoloġija jiddependi fuq il-prodott tiegħek u t-tip ta' apparat użat.
Huwa diffiċli li tagħti idea ġenerali tal-ispejjeż assoċjati ma' apparati kontra l-alterazzjoni peress li dawn ivarjaw skont it-tip ta' prodott u l-apparat partikolari użat.