Mur fil-paġna ewlenija
Observatory
On infringements of intellectual property rights

Promozzjoni u appoġġ tal-valur tal-proprjetà intellettwali

Menu

FAQs on copyright for consumers

FAQs on copyright for consumers

The Frequently Asked Questions (FAQs) on copyright help inform all European consumers about what is legal and what is not when using copyright protected content, such as music or film, on the internet.

As an extension of this successful initiative, the FAQs on copyright for teachers will provide teachers and students from the EU with clear and accurate information on what use of copyright protected content is allowed in the context of education.

15 questions from consumers on copyright for all EU Member States

Answers to the FAQs are given for all EU Member States. They are available in English and at least one of the official languages of the Member State in focus.

How does copyright affect your daily life?

 
Do you post on social media?
Do you add stories to your blog?
Are you streaming legally?
Who owns your work when you upload it to a platform?
Quoting a famous book online? How?
 
 
 

Click on a country in the map or select a country from the list to show the answers for the country:

 

Showing the answers for the country: Malta Read in: Maltese | English .

 

1. Xi jfissru u xi jkopru d-drittijiet tal-awtur (il-‘copyright’) u d-drittijiet relatati (ir-‘related rights’), u dawn id-drittijiet huma l-istess fid-dinja kollha?

2. Min huwa l-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur? Id-drittijiet tal-awtur, kif jibbenefikaw lill-kreaturi, detenturi tad-dritt, konsumaturi, is-soċjetà, l-ekonomija u l-kultura kollha kemm huma?

3. Inkun awtomatikament protett bid-drittijiet tal-awtur jekk, per eżempju, nieħu ritratt bil-mowbajl, jew irrid nirreġistra x-xogħol tiegħi biex nieħu dik il-protezzjoni?

4. X’inhu ksur tad-drittijiet tal-awtur? Nista’ nispiċċa fl-inkwiet minħabba ksur tad-drittijiet tal-awtur? U jekk ma kontx naf li wettaqt ksur fir-rigward ta’ xi haġa protetta mid-drittijiet tal-awtur?

5. Taħt liema kundizzjonijiet nista’ nuża xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur maħluq minn ħaddieħor? Smajt li jekk tuża xogħlijiet ta’ ħaddieħor dan huwa biss kwotazzjoni u allura huwa permess.

6. Għandi permess nuża mużika protetta mid-drittijiet tal-awtur bħala soundtrack għal vidjo li għamilt id-dar u li rrid intellgħu fuq l-Internet fuq pjattaforma tal-vidjo?

7. Għandi permess nagħti kopja ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur lil membru tal-familja jew lil xi ħabib?

8. Għandi permess inniżżel xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur mill-internet u tagħmel differenza liema teknoloġija tintuża u jekk inniżżilx biss partijiet mix-xogħol?

9. Pruvajt nikkopja film minn DVD għal fuq il-kompjuter tiegħi, imma ma stajtx minħabba xi ħaġa msejħa ‘Technical Protection Measures’ (jew miżuri ta’ protezzjoni teknoloġiċi). Dawn x’inhuma u jien nista’ ndur magħhom biex nagħmel kopji privati?

10.X’inhuma imposti tad-drittijiet tal-awtur jew “copyright levies”?

11. Jien qed nikser id-drittijiet tal-awtur jekk nara film permezz ta’ streaming minflok inniżżlu mill-Internet?

12. Jekk xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jiġu nklużi fil-posts tiegħi awtomatikament minn pjattaformi tal-midja soċjali, jien responsabbli għal dan? Dan jammonta għal ksur tad-drittijiet tal-awtur? U jekk nħalli link għalihom jew ninkorporahom fis-sit elettroniku jew blog tiegħi?

13. Meta noħloq xogħol u ntellgħu fuq l-Internet, it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ ħafna siti jitolbuni nittrasferixxi id-drittijiet tal-awtur tiegħi lis-sit. Dan ifisser li jien nitlef dawk id-drittijiet kollha għal futur?

14. L-avatar tiegħi huwa bbażat fuq attur jew attriċi famuż/a tal-films favorit/a tiegħi, karattru tal-cartoons jew klabb tal-isports. Nista’ nispiċċa fl-inkwiet għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur jew xi leġislazzjoni oħra minħabba dan?

15. Kif nista’ nkun naf jekk xogħol hux offrut b’mod legali jew illegali fuq l-Internet?

 

 

 

1. Xi jfissru u xi jkopru d-drittijiet tal-awtur (il-‘copyright’) u d-drittijiet relatati (ir-‘related rights’), u dawn id-drittijiet huma l-istess fid-dinja kollha?

Skond il-liġi Maltija, id-drittijiet tal-awtur ikopru firxa ta’ drittijiet esklussivi definiti speċifikament li huma proprjetà ta’ individwi jew organizzazzjonijiet fir-rigward ta’ xogħol oriġinali u kreattiv. Per eżempju, dawn id-drittijiet jinkludu, fost affarijiet oħrajn, id-dritt li tawtorizza jew tipprojbixxi lil partijiet terzi milli jirriproduċu xi xogħol jew xi parti sostanzjali minnu, id-dritt li tbiddlu jew taddattah u d-dritt li tiddistribwixxih jew tikkomunikah lill-pubbliku. Drittijiet viċini huma mogħtija lil artisti, produtturi ta’ rekordjar tal-ħoss, produtturi ta’ xogħlijiet awdjoviżivi u lil xandara fir-rigward tal-esplojtazzjoni u disseminazzjoni tal-wirjiet tagħhom, reġistrazzjonijiet tas-smigħ, xogħlijiet awdjoviżivi jew xandiriet. Huwa pertinenti li wieħed jinnota li għalkemm jeżistu numru ta’ prinċipji komuni fid-drittijiet tal-awtur li huma mifhuma u trattati b’mod simili f’diversi pajjiżi (partikolarment madwar il-pajjiżi li huma membri tal-Unjoni Ewropea), madankollu hemm numru ta’ differenzi. Għalhekk huwa dejjem rakkomandabbli li int tgħarbel il-liġi sew (u tfittex avukat fejn hemm bżonn) meta qed tipprova taċċerta ruħek dwar x’tip ta’ protezzjoni jaf ikollok taħt il-liġi, fir-rigward ta’ kwalunkwe xogħol li int taf toħloq jew inkella jekk tixtieq tuża bi kwalunkwe mod ix-xogħlijiet ta’ ħaddieħor.

 

2. Min huwa l-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur? Id-drittijiet tal-awtur, kif jibbenefikaw lill-kreaturi, detenturi tad-dritt, konsumaturi, is-soċjetà, l-ekonomija u l-kultura kollha kemm huma?

B’mod ġenerali, il-proprjetarju tad-dritttijiet tal-awtur huwa l-awtur tax-xogħol oriġinali, għalkemm jeżistu ċertu eċċezzjonijiet, partikolarment fejn softwer tal-kompjuter jew bażijiet tad-data huma kreati taħt impjieg jew taħt kummissjoni fejn id-drittijiet tal-awtur normalment huma ta’ min iħaddem jew tal-persuna li dderiġiet il-kummissjoni. Wieħed għandu jinnota li d-drittijiet tal-awtur huma dritt ta’ proprjetà u għalhekk jistgħu jiġu trasferiti jew assenjati permezz ta’ ftehim privat. Għalkemm l-awtur jaf ma jkunx għadu s-sid tad-drittijiet tal-awtur tax-xogħol, hu jżomm ċertu drittijiet fil-liġi, partikolarment id-dritt li jkun indikat bħala l-awtur tax-xogħol fuq il-kopji kollha li jinħarġu u li huma f’konnessjoni ma’ użu pubbliku tax-xogħol.

Aspett fundamentali tad-drittijiet tal-awtur huwa l-bilanċ li l-‘copyright’ jfittex li jsib bejn id-drittijiet tal-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur u l-interessi tal-pubbliku b’mod ġenerali, inkluż il-konsumaturi. L-għan prinċipali tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur huwa li jżomm u jeżerċita kontroll fuq l-użu ta’ xogħlu (li imbagħad jista’ jittrasferixxi jew jilliċenzja kontra ħlas jew ‘royalty’). Mill-banda l-oħra, l-interessi tal-konsumaturi huma żgurati permezz ta’ perjodu limitat ta’ protezzjoni li huwa disponibbli għad-detenturi tad-drittijiet (li lil hinn minnu ix-xogħol jaqa’ fid-dominju pubbliku) u anke permezz ta’ numru ta’ eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur tal-proprjetarju, li l-għan tagħhom hu li jagħti aċċess raġonevoli għax-xogħlijiet mingħajr il-bżonn li ġġib il-permess tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur u mingħajr il-bżonn li tħallas ebda miżata. B’dan il-mod, id-drittijiet tal-awtur jieħdu għamla ta’ inċentiv għall-industrija biex tkompli tinnova u tipproduċi xogħlijiet li fl-aħħar mill-aħħar iservu l-interessi tal-pubbliku in ġenerali, prinċipalment is-settur tal-konsumaturi. Barra minn hekk, irawwem tkabbir fl-ekonomija tal-pajjiż u jkollu rwol fundamentali fit-tkabbir kulturali tas-soċjetà, kif jidher prinċipalment fl-arti kreattivi, fil-letteratura u fl-oqsma varji ta’ attività akkademika, riċerka u ta’ istituzzjonijiet edukattivi.

 

3. Inkun awtomatikament protett bid-drittijiet tal-awtur jekk, per eżempju, nieħu ritratt bil-mowbajl, jew irrid nirreġistra x-xogħol tiegħi biex nieħu dik il-protezzjoni?

Taħt il-liġi Maltija tad-drittijiet tal-awtur, jekk int ċittadin jew resident permanenti ta’ Malta jew jekk int domiċiljat f’Malta jew fi stat fejn id-drittijiet tal-awtur huma protetti taħt ftehim internazzjonali li Malta tkun imsieħba fih, int awtomatikament tiġi protett bid-drittijiet tal-awtur hekk kif l-elementi essenzjali għad-drittijiet tal-awtur jiġu fis-seħħ. Dawn l-elementi jeħtieġu a) xogħol eliġibbli għal protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, li huwa b) ta’ karattru oriġinali u ċ) ċertu xogħlijiet jirrikjedu wkoll li jkunu miktubin, jiġu rrekordjati, ffissati jew inkella ridotti għal forma materjali. F’każ bħal dan, xogħlok (per eżempju ritratt li ħadt bil-mowbajl) ikun awtomatikament protett mil-leġislazzjoni Maltija tad-drittijiet tal-awtur u ma jkollokx għalfejn tirreġistra dak ix-xogħol imkien.

Jekk inti membru ta’ korp ta’ persuni jew soċjetà kummerċjali kostitwita, stabbilita, reġistrata u mogħtija personalità ġuridika taħt il-liġijiet ta’ Malta (jew liġijiet ta’ stat fejn id-drittijiet tal-awtur huma protetti taħt ftehim internazzjonali li Malta tkun imsieħba fih) l-istess regoli japplikaw.

 

4. X’inhu ksur tad-drittijiet tal-awtur? Nista’ nispiċċa fl-inkwiet minħabba ksur tad-drittijiet tal-awtur? U jekk ma kontx naf li wettaqt ksur fir-rigward ta’ xi haġa protetta mid-drittijiet tal-awtur?

Ksur tad-drittijiet tal-awtur ġeneralment tfisser li int wettaqt (jew ikkawżajt persuna oħra twettaq) att li l-għemil tiegħu huwa kkontrollat mid-drittijiet tal-awtur (bħal ikkupjar, kiri, distribuzzjoni, traduzzjoni, adattazzjoni, xandir, wiri lill-pubbliku jew komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur) mingħajr il-permess (permezz ta’ liċenzja) tal-proprjetarju jew tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur. Biex twettaq ksur tad-drittijiet tal-awtur, trid tkun użajt parti ‘sostanzjali’ mix-xogħol protett f’xi att bħal dan u l-azzjonijiet ma setgħux kienu permissibli b’xi mod ieħor bil-liġi. Jekk tikser id-drittijiet tal-awtur b’dan il-mod (jew b’xi mod speċifikament projbit mil-liġi) int tista’ tkun espost kemm għal responsabbiltà ċivili kif ukoll dik kriminali. Għaldaqstant, tista’ tkun obbligat tħallas id-danni lis-sid jew lid-detentur tad-dritt kif ukoll tħallas kwalunkwe multi/penali li jkunu applikabbli flimkien ma’ miżuri oħra li jistgħu jiġu mposti. Jekk tinsab kriminalment responsabbli, f’xi każijiet tista’ anke teħel il-ħabs. M’hemmx bżonn għarfien tal-ksur biex int tinsab ċivilment responsabbli (għalkemm tista’ taffettwa l-ammont ta’ danni dovut lil-proprjetarju jew lid-detentur tad-dritt). Barra minn hekk, huwa probabbli li anke jekk m’għandek l-ebda intenzjoni kriminali speċifika, li tikser id-drittijiet tal-awtur permezz ta’ negozju jew b’xi mod ieħor għal gwadann ekonomiku jaf iħallik espost għal responsabbiltà kriminali.

 

5. Taħt liema kundizzjonijiet nista’ nuża xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur maħluq minn ħaddieħor? Smajt li jekk tuża xogħlijiet ta’ ħaddieħor dan huwa biss kwotazzjoni u allura huwa permess.

Hemm diversi modi kif xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur jista’ jintuża legalment. L-iktar mod sempliċi huwa billi ġġib il-kunsens bil-miktub tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur. Madankollu, xogħol protett jista’ jkun użat f’numru ta’ modi fejn m’hemmx bżonn il-kunsens tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur. Siltiet jew “kwotazzjonijiet” jistgħu jiġu riprodotti b’mod ħieles, dejjem sakemm is-silta/il-kwotazzjoni mhijiex sostanzjali. Dan il-kriterju ta “sustanza” mhuwiex neċessarjament determinat abbażi tal-“kwantità” (kemm qed jiġi kkwotat) imma tista’ tkun ukoll determinata abbażi tal-“kwalità” (x’inhu jiġi kkwotat). Sakemm m’hemmx liċenzja fis-seħħ, probabbilment ikun aktar sikur li tuża kwotazzjonijiet abbażi ta’ ċertu eċċezzjonijiet legali speċifiċi. Dawn huma prinċipalment id-dritt li tikkopja, tittraduċi, tiddistribwixxi jew tikkomunika lill-pubbliku kwotazzjonijiet għal għanijiet bħal kritika jew reviżjoni, id-dritt li tikkopja, tittraduċi, tiddistribwixxi jew tikkomunika lill-pubbliku siltiet minn lekċers pubbliċi jew xogħlijiet simili u d-dritt li taqra fil-pubbliku kwalunkwe estratt raġonevoli minn xogħol letterarju ppubblikat, ipprovdut li ċerti kundizzjonijiet jiġu sodisfatti. Kundizzjoni waħda fosthom applikabbli f’dawn il-każijiet kollha hija dik li l-attribuzzjoni tas-sors (li tinkludi l-isem tal-awtur) trid dejjem tkun inkluża f’dawn il-kwotazzjonijiet/estratti.

 

6. Għandi permess nuża mużika protetta mid-drittijiet tal-awtur bħala soundtrack għal vidjo li għamilt id-dar u li rrid intellgħu fuq l-Internet fuq pjattaforma tal-vidjo?

Għandek permess tagħmel dan biss bil-kunsens tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur (normalment taħt liċenzja). Liċenzja tista’ tkun meħtieġa għar-reġistrazzjoni tal-mużika li tixtieq tuża kif ukoll għall-mużika sottostanti nnifisha. Tista’ ukoll tuża partijiet minn mużika/reġistrazzjoni protetti mid-drittijiet tal-awtur jekk l-ammont ta’ mużika li tuża mhijiex ‘sostanzjali’. M’hemm l-ebda regola fissa fuq x’jitqies bħala ‘sostanzjali’ u dan jiddependi mill-mużika/reġistrazzjoni in kwistjoni kif ukoll mill-mod kif inhu użat fil-vidjo personali tiegħek. It-test mhux neċessarjament bbażat fuq kwantità (kemm mużika hija nkluża) imma pjuttost, il-kwalità (liema partijiet tal-mużika huma nklużi). Qabel ma ttella’ fuq l-Internet kontenut li huwa ta’ ħaddieħor (bħal mużika, ritratti u vidjos) huwa dejjem rakkomandabbli li ġġib il-kunsens mingħand il-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur. Alternattivament, mużika fid-dominju pubbliku (jiġifieri xogħlijiet li skaditilhom il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur) jistgħu jintużaw mingħajr l-ebda restrizzjoni. Tajjeb wieħed jinnota li mużika ‘royalty free’ mhijiex neċessarjament fid-dominju pubbliku (jiġifieri ċertu termini ta’ użu jaf xorta japplikaw u xi tip ta’ ħlas jaf xorta jkun dovut).

 

7. Għandi permess nagħti kopja ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur lil membru tal-familja jew lil xi ħabib?

Taħt il-liġi Maltija hemm dritt limitat li jħallik tagħmel kopja privata ta’ xogħol protett għall-użu personali (suġġett għal diversi kundizzjonijiet). Madankollu, sakemm m’intiex permess mill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur (normalment taħt liċenzja), ġeneralment m’intiex permess tagħti kopja lil terzi – inkluż lil membru tal-familja jew lil xi ħabib. Mill-banda l-oħra, self għall-użu, tax-xogħol protett innifsu, jew kopja awtorizzata, (bħal CD tal-mużika li xtrajt) għal perjodu limitat taż-żmien, lil terz, jidher li huwa permess taħt ċertu kundizzjonijiet; sakemm dan ma jsirx minn stabbilimenti li huma aċċessibbli għall-pubbliku u sakemm is-self ma jsirx għal xi vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett. Huwa dejjem rakkomandabbli li taqra t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ kwalunkwe liċenzja applikabbli, jew fl-assenza tagħhom li tikkuntattja lid-detentur tad-dritt minn qabel.

 

8. Għandi permess inniżżel xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur mill-internet u tagħmel differenza liema teknoloġija tintuża u jekk inniżżilx biss partijiet mix-xogħol?

Tista’ tniżżel xogħlijiet mill-Internet biss jekk għandek l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur (normalment taħt liċenzja) jew inkella tniżżel liberament xogħlijiet fid-dominju pubbliku (jiġifieri xogħlijiet li skaditilhom il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur). Tista’ ukoll tniżżel ‘partijiet’ minn xogħlijiet sakemm dawn ma jkunux partijiet sostanzjali. Madankollu t-test li jiddetermina x’jammonta għal ‘parti sostanzjali’ tax-xogħol jiddependi mix-xogħol in kwistjoni u mhux neċessarjament jiddependi minn ‘kemm’ tniżżel iżda, ‘xi’ tniżżel. It-teknoloġija użata biex tniżżel ix-xogħol mhiex rilevanti. Huwa dejjem rakkomandabbli li taqra t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ kwalunkwe liċenzja applikabbli jew fl-assenza tagħhom, li tikkuntattja lil-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur qabel ma tniżżel xogħlijiet mill-Internet.

 

9. Pruvajt nikkopja film minn DVD għal fuq il-kompjuter tiegħi, imma ma stajtx minħabba xi ħaġa msejħa ‘Technical Protection Measures’ (jew miżuri ta’ protezzjoni teknoloġiċi). Dawn x’inhuma u jien nista’ ndur magħhom biex nagħmel kopji privati?

‘Technical Protection Measures’ (TPM) jew ‘miżuri ta’ protezzjoni teknoloġiċi’ jirreferu għal tip ta’ teknoloġija, apparat jew komponent iddiżinjat sabiex iservi ta’ restrizzjoni fuq aċċess, jew jikkontrolla aċċess, għal materjal protett bid-drittijiet tal-awtur, jew biex dak il-materjal ma jiġix kkupjat. Ir-regola ġenerali hi li dawn it-TPMs ma jistgħux jiġu ‘ngannati’ jew evitati. Madankollu, f’każijiet limitati ħafna, jekk int tkun intitolat speċifikament għal wieħed minn ċertu ‘atti permessi’ (bħal fil-każ tal-eċċezzjoni tal-‘ikkupjar privat’ jew f’każijiet ta’ ‘illustrazzjoni għal skopijiet ta’ tagħlim’), mela int tista’ possibilment tkun intitolat għal aċċess legali tax-xogħol protett – avolja ikun hemm TPM fis-seħħ. F’każijiet limitati bħal dawn, id-detentur tad-dritt huwa marbut li jipprovdik bil-mezzi li jippermettuk tgawdi d-drittijiet tiegħek skond-liġi (limitati kemm jistgħu jkunu). Allura l-ewwel ħaġa li għandek tagħmel hi li tipprova tikkuntattja lid-detentur tad-dritt (jew detentur esklussiv tal-liċenzja). Jekk id-detentur tad-dritt jonqos li jaderixxi mal-obbligazzjonijiet tiegħu skond il-liġi, hemm każijiet limitati ħafna fejn int possibilment tkun permess li tevita it-TPM b’mod legali, madankollu int għandek preferibbilment tfittex parir legali qabel ma tagħmel hekk. Ta’ min jinnota wkoll li l-mezzi legali (limitati ħafna) biex tevita it-TPM ġeneralment ma japplikawx fil-każ ta’ kontenut li jinsab fuq l-Internet jew offrut ‘on demand’.

 

10.X’inhuma imposti tad-drittijiet tal-awtur jew “copyright levies”?

Ġeneralment, imposti tad-drittijiet tal-awtur (copyright levies) ifissru forma ta’ taxxa imposta normalment fuq midja vojta biex id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur jingħataw “kumpens ġust” bħala parti mill-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni legali relatata mal-“ikkupjar privat” (att permess mil-liġi li ma jwassalx għal ksur tad-drittijiet tal-awtur, kemm-il darba ċertu kundizzjonijiet huma sodisfatti). Għalkemm l-eċċezzjoni tal-ikkupjar privat teżisti f’Malta, bħalissa m’hawn l-ebda sistema għall-kollezzjoni tal-imsemmija mposti.

 

11. Jien qed nikser id-drittijiet tal-awtur jekk nara film permezz ta’ streaming minflok inniżżlu mill-Internet?

Minkejja li l-kwistjoni għadha ma ġietx trattata mill-qrati f’Malta, ġeneralment wieħed jista’ jargumenta li billi sempliċiment tara film permezz ta’ ‘streaming’ mingħajr ma ssir ħażna permanenti ta’ dak il-kontenut ‘offline’, dan ma jammontax għal att ta’ ksur (speċjalment jekk l-‘istreaming’ qed isir minn sors legali). Madankollu, jekk int tuża softwer biex tniżżel mill-Internet jew b’xi mod ieħor tikkopja dak il-kontenut mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur (jew mingħajr ġustifikazzjoni legali speċifika), tkun qed tikser id-drittijiet tal-awtur. Il-kwistjoni ta’ jekk il-kontenut li qed tniżżel/tirriproduċi jkunx legali jew le huwa irrilevanti. Il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur huwa ġeneralment provdut permezz ta’ liċenzja.

 

12. Jekk xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jiġu nklużi fil-posts tiegħi awtomatikament minn pjattaformi tal-midja soċjali, jien responsabbli għal dan? Dan jammonta għal ksur tad-drittijiet tal-awtur? U jekk nħalli link għalihom jew ninkorporahom fis-sit elettroniku jew blog tiegħi?

Rigward posts awtomatiċi, irid jingħad li l-kwistjoni mhix ċara f’Malta. Madankollu, sakemm ma jkollokx rwol attiv fil-ksur tad-drittijiet tal-awtur (billi per eżempju tniżżel/ixxandar jew b’mod ieħor turi lill-pubbliku x-xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur la darba jkun inkluż awtomatikament fil-post tiegħek) huwa improbabbli li int tkun responsabbli taħt l-Att tad-Drittijiet tal-Awtur ta’ Malta għal xi ksur tad-drittijiet tal-awtur li jaf iseħħ bħala konsegwenza tal-post awtomatiku. Madankollu, int tista’ tkun responsabbli f’termini tal-Kodiċi Ċivili ta’ Malta għal kwalunkwe dannu kkawżat lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur (jew partijiet oħra interessati) skond l-effett tal-atti jew l-ommissjonijiet tiegħek (jiġifieri bħala kawża tal-ħsara li għamilt). Regola tajba li għandek timxi magħha sabiex timminimizza dan ir-riskju huwa billi tieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex tevita l-‘uploading’/’hosting’ ta’ kwalunkwe kontenut meta dan ma ġiex ikklirjat mid-detentur tad-dritt – speċjalment meta dan isir mingħajr il-kunsens tiegħek ukoll (dan jista’, sa ċertu punt, jiġi kkontrollat billi tirranġa diversi parametri tal-privatezza jew parametri ġenerali fuq il-pjattaforma tal-midja soċjali in kwistjoni). Jekk xogħlijiet protetti jiġu nklużi awtomatikament xorta waħda, int għandek timxi bi prudenza u tevalwa jekk għandekx tneħħi dak il-kontenut malajr kemm jista’ jkun. Imissek ukoll timxi ma’ kwalunkwe talbiet leġittimi li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur jaf jagħmel (per eżempju jekk/meta jitolbok tneħħi il-kontenut li qed jikser id-drittijiet tal-awtur) malajr kemm jista’ jkun. Dawn il-miżuri jgħinuk tipprova li int aġġixxejt b’mod prudenti, b’diliġenza, u b’attenzjoni u għandhom jgħinuk tissorvola allegazzjonijiet ta’ tort min-naħa tiegħek (u għalhekk targumenta kontra responsabbiltà f’termini tal-liġi ċivili Maltija).

Fejn jidħlu ‘hyperlinks’ u kontenut inkorporat (‘embedded’), billi sempliċiment tillinkja għal xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur jew inkella tinkorpora xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur (fuq siti web/blogs eċċ.) li jkun ‘hosted’ x’imkien ieħor fuq l-internet, dan ġeneralment ma jitqiesx bħala att ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur. Madankollu, il-link/kontenut inkorporat ma jistax jevita xi restrizzjonijiet imposti mill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur. Per eżempju, il-link/kontenut inkorporat ma jistax isir disponibbli għal settur tal-pubbliku li huwa ristrett milli jara dak il-kontenut fis-sors oriġinali.

 

13. Meta noħloq xogħol u ntellgħu fuq l-Internet, it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ ħafna siti jitolbuni nittrasferixxi id-drittijiet tal-awtur tiegħi lis-sit. Dan ifisser li jien nitlef dawk id-drittijiet kollha għal futur?

F’Malta, meta toħloq xogħol eliġibbli għad-drittijiet tal-awtur, sakemm mintiex suġġett għal xi kuntratt li jgħid mod ieħor, inti ġeneralment awtomatikament meqjus bil-liġi li int l-awtur u d-detentur tad-drittijiet tal-awtur ta’ dak ix-xogħol (hemm eċċezzjonijiet limitati għal dan). Bħala l-proprjetarju tax-xogħol, inti tista’ tagħżel li tittrasferixxi d-drittijiet tal-awtur tiegħek fix-xogħol (permezz ta’ ċessjoni tad-drittijiet) jew inkella tippermetti lil nies oħra li jagħmlu użu minn dak ix-xogħol (permezz ta’ liċenzja). Meta tkun mitlub biex “tittrasferixxi” d-drittijiet tiegħek lil sit int effettivament tkun qed iċċedi d-drittijiet tiegħek lil dawn it-tip ta’ siti – dejjem sakemm ikun hemm il-formalitajiet neċessarji kollha biex isseħħ ċessjoni valida. Id-drittijiet morali tiegħek (inkluż id-dritt li tkun identifikat bħala l-awtur) mhumiex affettwati b’dan it-trasferiment imma d-drittijiet tal-awtur l-oħra tiegħek (id-dritt li tawtorizza/tipprojbixxi riproduzzjoni, distribuzzjoni, komunikazzjoni lill-pubbliku eċċ.) jistgħu effettivament jintilfu (dan jiddependi mit-termini u l-kundizzjonijiet in kwistjoni). Għal din ir-raġuni, hija importanti li dejjem taqra b’attenzjoni t-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli kollha qabel ma ttella’ xi kontenut fuq l-Internet.

 

14. L-avatar tiegħi huwa bbażat fuq attur jew attriċi famuż/a tal-films favorit/a tiegħi, karattru tal-cartoons jew klabb tal-isports. Nista’ nispiċċa fl-inkwiet għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur jew xi leġislazzjoni oħra minħabba dan?

Dan jiddependi mit-tip ta’ avatar li qed tuża u l-kuntest li qed tużah fih. Jekk l-avatar tiegħek fih materjal li huwa sostanzjalment simili għas-sors oriġinali li huwa eliġibbli għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur (logo ta’ kumpanija, karattru tal-cartoons famuż eċċ.) dan jaf ifisser ksur tad-drittijiet tal-awtur sakemm il-kwistjoni mhix speċifikament eżentata mil-liġi. Fil-każ ta’ klabbs tal-isports, avatars ibbażati fuq il-logos probabbilment jammontaw għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur (minħabba li kwalunkwe rappreżentazzjoni tal-logo x’aktarx ikun fihom partijiet ‘sostanzjali’ mill-oriġinali). Jekk il-klabb tal-isports irreġistra l-logo bħala marka kummerċjali (trademark) li għandu effett f’Malta, jista’ jkun hemm ksur tal-markju f’ċertu każijiet.

Is-sitwazzjoni fir-rigward ta’ karattri fittizji għadha ma ġietx deċiża f’Malta għalkemm hemm argument b’saħħtu xi jsir li dawn igawdu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur bħala speċi ta’ xogħol separati (xogħlijiet artistiċi, xogħlijiet awdjo-viżwali, xogħlijiet letterarji eċċ.) jew anke kombinazzjoni tagħhom. Ksur tad-drittijiet tal-awtur tapplika meta parti sostanzjali mill-karattru (bħal wiċċ ta’ karattru tal-cartoons per eżempju) huwa riprodott/distribwit/muri lill-pubbliku eċċ. – sew fil-forma oriġinali tiegħu JEW sew f’forma rikonoxxibbilment derivata mill-oriġinali. Anke tpinġija mhix raffinata li tenfasizza l-karatteristiċi ewlenin tal-oriġinali jaf jammonta għal ksur tad-drittijiet tal-awtur. Hemm eċċezzjonijiet limitati għal din ir-regola ġenerali (bħal li wieħed jargumenta li l-avatar qed jintuża bħala karikatura, pastiche jew parodija).

Rigward karattri mhux fittizji, huwa improbabbli li l-użu ta’ avatar li jixbah persuna famuża jammonta għal ksur tad-drittijiet tal-awtur imma hemm liġijiet oħrajn li jaf japplikaw – malafama u defamazzjoni huma fost l-iktar importanti. Naturalment jekk l-attur/attriċi favorit/a tiegħek qed jintwera/tintwera fl-avatar f’waħda mill-rwoli tal-film(s) li hu/hi magħruf/a għalih, mela dik il-persuna qed tidher bħala ‘karattru fittizju’ u dan jista’ jwassal għall-pretensjonijiet dwar ksur tad-drittijiet tal-awtur (jiġifieri possibbiltà ta’ ksur tad-drittijiet f’tema ta’ ‘karattri fittizji')

 

15. Kif nista’ nkun naf jekk xogħol hux offrut b’mod legali jew illegali fuq l-Internet?

Għalkemm m’hemmx regoli speċifiċi li jiddeterminaw b’mod ċar jekk xogħol hux offrut legalment jew illegalment fuq l-Internet, hemm numru ta’ fatturi li għandek dejjem iżżomm f’moħħok f’dan ir-rigward. Is-segwenti huma biss ftit eżempji:

Il-lok tas-sors. Jekk akkwistajt ix-xogħol minn sors fuq l-Internet (‘online store’), jew ħanut, ta’ fama tajba il-probabbiltà hi li x-xogħol huwa legali. Mill-banda l-oħra, jekk takkwista x-xogħol minn sorsi mhux magħrufa (sew b’mod diġitali u sew mod ieħor) dan ikabbar ir-riskju li takkwista xogħol illegali. Siti tal-web mingħajr termini u kundizzjonijiet jew minn fejn kontenut jista’ jinkiseb mingħajr restrizzjonijiet għandhom jiġu evalwati sew.

Prezz. Dan huwa indikatur ieħor tajjeb ta’ legalità. Iktar ma x-xogħol ikun irħis, iktar hemm ċans li s-sors ikun qed jikser id-drittijiet tal-awtur. Xogħlijiet offruti b’xejn għandhom jiġu evalwati sew.

Kwalità. Il-kwalità tax-xogħol akkwistat ukoll huwa indikatur tajjeb ta’ jekk ix-xogħol hux qed jikser id-drittijiet tal-awtur jew le. Iktar kemm tkun ħażina l-kwalità, iktar hemm ċans li din qed tikser id-drittijiet tal-awtur.

Indikaturi oħra. Jista’ jkun hemm miżuri oħra mqiegħda mill-proprjetarju jew mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur biex jgħinu lill-utent finali jiddetermina jekk ix-xogħol f’dak il-każ kienx legali jew le. F’midja fiżika mixtrija minn fuq l-Internet jew xi sors ieħor, wieħed jaf isib ologrammi jew marki oħra li huma diffiċli biex tirriproduċi u li jgħinuk tiddetermina jekk ix-xogħol hux legali jew le.
Int għandek tinnota li dawn mhumiex testijiet infallibbli biex tara jekk ix-xogħol hux legali f’kull każ, imma b’mod ġenerali jistgħu jgħinuk tiddetermina jekk xogħol hux qed jikser id-drittijiet tal-awtur jew le.

 

Back to Top

Disclaimer

The answers to the Frequently Asked Questions (FAQs) were finalised on the date indicated as the status date on the website. Gathering up-to-date information from 27 Member States is an extensive exercise. While the EUIPO tries to keep the information up-to-date, new case-law or legislative reforms may impact the content of the FAQs. Neither the EUIPO nor any person acting on behalf of the EUIPO is responsible for the use which might be made of the FAQs.

We use cookies on our website to support technical features that enhance your user experience. We also use analytics. Click for more information