Mur fil-paġna ewlenija
EUIPO
Ipproteġi l-marki kummerċjali u d-disinji tiegħek fl-Unjoni Ewropea

Ipproteġi l-proprjetà intellettwali tiegħek fl-Unjoni Ewropea

Menu

Disinn Komunitarju mhux irreġistrat

 


L-iżvelar jagħmel disinn disponibbli għall-pubbliku b’tali mod li l-gruppi interessati li jaħdmu fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE) jistgħu jkunu konxji b’mod raġonevoli dwar id-disinn. Id-data u l-mezzi ta’ żvelar huma essenzjali: dawn joħolqu dritt ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, iżda min-naħa l-oħra jistgħu jeqirdu n-novità ta’ disinn irreġistrat jekk dan tal-aħħar ma jiġix applikat sa 12-il xahar mill-iżvelar. L-iżvelar għandu jsir fi ħdan it-territorju tal-UE biex jinħoloq dritt ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat.

Dan jista’ jintlaħaq, pereżempju, permezz ta’ reviżjoni stampata li jkollha data, pubbliċità tal-massa, pubblikazzjoni f’Bullettin tal-uffiċċju nazzjonali tal-IP, wiri f’esibizzjoni internazzjonali jew ittra datata lil kull assoċjazzjoni tal-kummerċ ta’ settur industrijali partikolari.

Żvelar mhux se jiġi kkunsidrat jekk id-disinn, wara l-iżvelar, ma jkunx magħruf “matul il-kors normali tan-negozju għall-gruppi speċjalizzati fis-settur ikkonċernat li joperaw fi ħdan l-Unjoni Ewropea”.

Għaldaqstant, id-disinn għandu jkun magħruf tal-inqas mill-gruppi interessati tas-settur ikkonċernat fi ħdan l-Unjoni Ewropea u d-data tal-iżvelar għandha tkun ċerta.

Għal aktar informazzjoni, ara l-Linji Gwida, Eżaminazzjoni ta’ Applikazzjonijiet għall-Invalidità ta’ Disinn.

Id-data tal-ewwel żvelar hija partikolarment importanti biex tiġi evitata t-tfittxija ta’ tali prova aktar tard fil-każ ta’ proċedimenti legali. Għaldaqstant, kull element ta’ prova li l-iżvelar fih innifsu sar lil min kien indirizzat — u wasal għandu/għandha b’suċċess — għandu jkun utli u jinżamm b’mod sigur.

L-iżvelar għandu jagħti lill-gruppi interessati fi ħdan l-Unjoni Ewropa l-opportunità li jkunu konxji dwar id-disinn. L-iżvelar fi Stat Membru wieħed għandu jkun biżżejjed, diment li jitwettaq b’tali mod li l-gruppi interessati ta’ din l-industrija fi ħdan l-Unjoni Ewropea jistgħu jsiru konxji dwar id-disinn. Dan għandu jkun biżżejjed biex jiġi stabbilit id-dritt Komunitarju mhux irreġistrat. Pereżempju, żvelar f’fieri internazzjonali fi ħdan l-Unjoni Ewropea, fejn il-gruppi interessati kollha minn kull pajjiż ikunu preżenti, għandu jagħmel il-bidu tad-dritt inqas diffiċli biex jiġi stabbilit.

Aktar informazzjoni rigward it-tilwim.

Il-protezzjoni għal disinji Komunitarji mhux irreġistrati ilha effettiva mis-6 ta’ Marzu 2002. Id-disinji żvelati għall-ewwel darba f’din id-data jew warajha se jiġu protetti. M’hemm l-ebda protezzjoni għad-disinji żvelati qabel din id-data.

In-nazzjonalità ma tistax tinterferixxi fil-kisba tal-protezzjoni tad-disinn fl-Ewropa. Disinn żvelat fi ħdan l-UE, skont il-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni u ta’ żvelar, huwa dritt tal-persuna (ġuridika jew fiżika) li żvelatu irrispettivament min-nazzjonalità ta’ dik il-persuna.

Aktar informazzjoni rigward it-tilwim.

Biex jiddefendi d-dritt tiegħu jew jaġixxi kontra l-falsifikazzjoni, detentur ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat għandu jkun jista’ jipprovdi dan li ġej lil parti terza f’azzjoni ġudizzjarja.
  1. Prova tad-data u l-post tal-ewwel żvelar tad-disinn.
  2. Prova li d-disinn jirreferi għad-disinn żvelat (bil-karatteristiċi ewlenin tiegħu u speċjalment dawk b’“karattru individwali”).
  3. Prova li l-gruppi interessati fi ħdan l-Unjoni Ewropea setgħu kienu konxji dwar l-iżvelar innifsu. Id-diffikultà ta' prova tad-data u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-iżvelar ma għandhomx jiġu sottovalutati. Hija inerenti fis-sistema UCD, li inkella hija forma sempliċi ta’ protezzjoni li tista’ tintlaħaq.
  4. Prova li l-allegat falsifikatur fil-fatt ikkopja d-disinn protett.
Għal aktar informazzjoni, ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji.

L-azzjonijiet ta’ ksur ma jiġux ittrattati mill-EUIPO iżda mill-qrati tad-disinn Komunitarju, li huma nominati mill-Istati Membri. Jekk id-disinn tiegħek jiġi kkupjat, allura trid tfittex bil-qorti l-persuna li kisret id-dritt tiegħek quddiem waħda minn dawn il-qrati.

Sir af aktar dwar ir-reġistrazzjoni sabiex tevita din is-sitwazzjoni.

Mhuwiex xieraq li wieħed jitkellem dwar konverżjoni minn dritt għall-ieħor. Iż-żewġ drittijiet jistgħu jeżistu fl-istess disinn.
Madankollu, huwa importanti li wieħed ifakkar li r-Regolament jipprevedi “perjodu ta’ grazzja” ta’ sena , li jippermettilek tittestja s-suq bil-protezzjoni ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat (UCD) u mbagħad tirreġistra disinn Komunitarju rreġistrat (RCD). L-effett tal-perjodu ta’ grazzja huwa li int mhux se tiġi kkunsidrat bħala li qridt in-novità tad-disinn tiegħek matul dan iż-żmien.
Madankollu, jekk tippreżenta l-applikazzjoni tiegħek għal disinn Komunitarju rreġistrat (RCD) aktar minn sena wara l-ewwel żvelar, id-disinn Komunitarju rreġistrat (RCD) tiegħek jista’ jiġi ddikjarat invalidu aktar tard.
Għalhekk, mhuwiex possibbli li jkollok it-3 snin sħaħ ta’ protezzjoni bħala disinn Komunitarju mhux irreġistrat (UCD) u mbagħad tippreżenta applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat (RCD), peress li r-rekwiżit ta’ novità sussegwentement ma jkunx ġie ssodisfat.

Il-mistoqsijiet u t-tweġibiet ipprovduti f’din il-paġna jservu għan purament informattiv u mhumiex punt ta’ referenza legali. Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok ikkonsulta r-Regolamenti dwar it-Trademark tal-Unjoni Ewropea u dwar id-Disinn Komunitarju jew il-Linji Gwida dwar it-Trademark / id-Disinn .

Għal aktar informazzjoni dwar il-mod li bih l-Uffiċċju jiġġestixxi d-data personali tiegħek, jekk jogħġbok ikkonsulta d-Dikjarazzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Data.
 

Il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar 11-05-2018
Aħna nużaw il-cookies fuq is-sit web tagħna biex jappoġġaw karatteristiċi tekniċi li jtejbu l-esperjenza tiegħek bħala utent. Nużaw ukoll l-analitika. Għal aktar informazzjoni kklikkja
x