Mur fil-paġna ewlenija
EUIPO
Ipproteġi l-marki kummerċjali u d-disinji tiegħek fl-Unjoni Ewropea

Ipproteġi l-proprjetà intellettwali tiegħek fl-Unjoni Ewropea

Menu

Il-Formola f'erba' stadji

Bil-Formola tal-applikazzjoni f'erba' stadji tagħna, inti tista' tippreżenta faċilment disinn Komunitarju rreġistrat f'erba' stadji biss, fi kwalunkwe waħda mit-23 lingwa tal-UE. Il-formola hija ddisinjata għal Fast Track, bi gwida inkorporata u opzjonijiet li jimtlew weħidhom biex jgħinuk tirreġistra d-disinn tiegħek f'jumejn jew inqas.

Biex taċċessa l-Formola ta' applikazzjoni f'erba' stadji, innaviga s-sit web, u segwi r-rotot ta' hawn taħt:

  1. ‘Disinni' > ‘Irreġistra d-disinn tiegħek — Malajr u faċilment' > ‘Applika online', imbagħad agħżel il-Formola ta' applikazzjoni f'erba' stadji u kklikkja fuq il-buttuna blu 'Ibda l-applikazzjoni'.
  2. ‘Disinni' > ‘Mod ta' kif issir ir-reġistrazzjoni' > ‘Applika issa', imbagħad agħżel il-Formola ta' applikazzjoni f'erba' stadji u kklikkja fuq il-buttuna blu 'Ibda l-applikazzjoni'.
  3. ‘Paġna Ewlenija' > ‘Servizzi Online' > ‘Applika għal disinn — Formola ta' applikazzjoni f'erba' stadji' u kklikkja fuq il-buttuna blu 'Ibda l-applikazzjoni'.

Għal informazzjoni dwar kif neżaminaw l-applikazzjonijiet tad-disinni, jekk jogħġbok aqra l-Linji gwida tagħna.


Stadju 1: Dettalji tad-disinn

  • Lingwi u referenza tal-applikant

    L-ewwel lingwa
    Agħżel l-ewwel lingwa fuq il-paġna 'Applika issa' minn kwalunkwe waħda mit-23 lingwa tal-UE.

    It-tieni lingwa
    Għandek tagħżel it-tieni lingwa minn waħda mill-ħames lingwi ta' ħidma tal-Uffiċċju (ES, DE, EN, FR u IT). It-tieni lingwa trid tkun differenti mill-ewwel lingwa li tkun għażilt. Ftakar li d-disinn tiegħek jista' jiġi kkuntestat f'din it-tieni lingwa. Jekk tixtieq tirċievi l-korrispondenza uffiċjali fit-tieni lingwa tiegħek, agħżel il-kaxxa korrispondenti.

    Nota: Jekk l-ewwel lingwa tiegħek hija waħda mill-ħames lingwi uffiċjali tal-Uffiċċju, ma tistax tagħżel l-opzjoni li tirċievi l-korrispondenza uffiċjali bit-tieni lingwa tiegħek. Għalhekk, il-kaxxa fejn timmarka mhux ser tintwera.

    Referenza tal-applikant
    Ir-referenza tiegħek għandha tikkonsisti minn mhux aktar minn 30 karattru alfanumeriku, bl-użu tal-alfabet Ruman: a-z, A-Z, 0-9 u simboli. Tużax spazji.

    Jekk ikollok mistoqsijiet dwar id-disinn tiegħek fil-futur, jekk jogħġbok ikkwota n-Numru tal-Applikazzjoni tal-RCD mogħti mill-Uffiċċju.

  • Informazzjoni dwar id-disinn(i)

    Żid id-dehriet tad-disinn tiegħek f'żewġ modi:

    • żid immaġnijiet (format JPEG),
    • żid dehra dinamika tridimensjonali u dehriet statiċi miksuba minnha.

    Immaġnijiet
    Uża l-funzjoni dreggja u qiegħed (drag-and-drop) jew ibbrawżja l-kompjuter tiegħek biex ittella' l-immaġnijiet tad-disinn tiegħek. Tista' ttella' sa seba' immaġnijiet protetti u sa tlieta mhux protetti.

    Ma tistax ittella' dehriet li mhumiex protetti qabel ma ttella' seba' dehriet protetti.

    Rekwiżiti għad-dehriet:

    • 2MB għal kull immaġni,
    • format JPEG,
    • RGB, CMYK (li ser jiġi konvertit għal RGB u dan jista’ possibbilment jaffettwa l-kuluri), skala griża, iswed u abjad jew mudelli ta’ kuluri. Sabiex tevita l-konverżjoni awtomatizzata tal-kuluri u biex iżżomm il-kuluri kemm jista’ jkun l-istess fuq l-iskrin, huwa rrakkomandat l-użu tal-immaġnijiet RGB, minflok CMYL. L-applowdjar ta’ dehriet dinamiċi 3D U dehriet statiċi oħra huwa ristrett.
    • riżoluzzjoni tal-istampar: min 72, mass 300 DPI,
    • daqs massimu tal-immaġni: 5 000 x 5 000 pixels,
    • Immaġnijiet progressivi JPEG ser jiġu kkonvertiti għal immaġnijiet tal-linja bażi.

    Rekwiżiti tal-fajls mehmużin (għal pretensjonijiet għal prijorità, prijoritajiet għal wirja, awtorizzazzjonijiet ġenerali għar-rappreżentanti tal-impjegati):

    • PDF,
    • JPEG.

    Speċifikazzjonijiet
    Id-dehra għandha tiġi riprodotta fuq sfond newtrali u għandha tkun ta' kwalità li tippermetti li d-dettalji kollha tal-materja li għaliha qiegħda tintalab protezzjoni jkunu jistgħu jintgħarfu b'mod ċar, u li hi tkun tista' tiċċekken jew titkabbar għad-dħul fir-Reġistru u l-pubblikazzjoni diretta fil-Bullettin tad-Disinni Komunitarji.

    Ir-rappreżentazzjoni tad-disinn tista' ma tinkludix test, kliem jew simboli spjegattivi, jew tkun innumerata.

    Mudelli tal-wiċċ ripetuti: Meta ssir applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' disinn li jikkonsisti minn mudell tal-wiċċ ripetut, ir-rappreżentazzjoni tad-disinn għandha turi l-mudell kollu kemm hu u parti suffiċjenti tal-wiċċ ripetut.

    Tipografija: Meta ssir applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' disinn li jikkonsisti f'tipografija, ir-rappreżentazzjoni tad-disinn għandha tikkonsisti minn rappreżentazzjoni tal-ittri kollha tal-alfabet, kapitali u ittri żgħar skont kif applikabbli, u taċ-ċifri Għarab kollha, kif ukoll test ta' ħames linji, kollha fid-daqs tal-piċċ 16.

    Aħna nirrakkomandaw li tingħata attenzjoni speċjali lil dawn l-ispeċifikazzjonijiet. Il-prattika turi li n-nuqqas ta' konformità magħhom hija waħda mir-raġunijiet l-aktar frekwenti għalfejn l-Uffiċċju jqajjem defiċjenza, li inevitabbilment twassal għal aktar xogħol u għal telf ta' ħin konsiderevoli għall-utenti tagħna.

    L-użu ta' elementi oħrajn biex jgħinu fl-identifikazzjoni tal-karatteristiċi ta' disinn
    Ir-rappreżentazzjoni ta' disinn għandha tkun limitata għall-karatteristiċi li għalihom qiegħda tintalab protezzjoni. Madankollu, tista' tinkludi elementi oħrajn li jgħinu jidentifikaw il-karatteristiċi ta' disinn li għalih qiegħda tintalab protezzjoni. Hija r-responsabbiltà tal-applikant li juża, pereżempju, linji ttikkjati u linji ta' demarkazzjoni b'tali mod li juri b'mod ċar il-karatteristiċi li għalihom qiegħda tintalab protezzjoni.

    Jekk tixtieq tenfasizza parti partikolari tad-disinn, biex turi li inti qiegħed tiddikjara biss dik il-parti speċifika jew li inti espressament m'intix tiddikjaraha, tista' tuża wieħed minn dawn li ġejjin:

    • linji miksurin biex tindika elementi li għalihom mhija meħtieġa l-ebda protezzjoni;

    • linji ta' demarkazzjoni biex tenfasizza karatteristiċi tad-disinn li għalihom trid protezzjoni;

    • sfumaturi tal-kuluri u kuluri mċajpra biex teskludi għadd ta' karatteristiċi mill-protezzjoni;

    • separazzjonijiet biex tindika li mhijiex qiegħda ssir pretensjoni għat-tul preċiż tad-disinn.

    L-ebda test jew kelma spjegattiv/a, jew simbolu addizzjonali ma jista' jintuża fid-dehriet tad-disinn.

    X'inhuma l-benefiċċji prinċipali jekk ikollok immaġnijiet li mhumiex protetti?

    • Dawn jitqiesu ppreżentati mal-formola ta' applikazzjoni, li jfisser li għalhekk jistgħu jifformaw parti minn pretensjoni għal prijorità f'applikazzjoni sussegwenti.
    • Dawn jistgħu jintużaw biex jiġi spjegat id-disinn u dan jista' jgħin l-eżaminatur meta jivvaluta l-immaġnijiet protetti.
    • L-applikant jista' jirrevedi l-immaġnijiet wara li jtellagħhom u mbagħad ibiddel dehra mhux protetta f'dehra protetta u viċi versa.

    Nota: Dehriet li mhumiex protetti ser ikunu disponibbli f'eSearch għad-detenturi tad-disinni biss.

    Dehriet dinamiċi tridimensjonali (dehriet dinamiċi 3D)
    Il-preżentazzjoni elettronika ta' RCD taċċetta tip ta' rappreżentazzjoni ġdida għad-dehriet bħala għodda biex jinkisbu dehriet fl-applikazzjoni: Dehriet dinamiċi 3D. Jekk ittella' dehra dinamika 3D mill-kompjuter tiegħek f'format OBJ, STL jew X3D, ser tkun tista' tikseb dehriet statiċi ta' immaġnijiet tad-disinn protetti jew mhux protetti.

    Dehriet dinamiċi 3D jissimulaw perspettivi 3D fit-2D (l-iskrin) peress li tista' timmanipula d-dehra (billi ċċaqlaqha jew tiżżumja 'l ġewwa u 'l barra) biex tara l-perspettivi differenti. Kull dehra maqbuda mid-dehra 3D tista' tiġi mmanipulata (dehriet statiċi) u ser tiżdied mal-formola bħala dehra għad-disinn korrispondenti.

    Uża l-funzjoni dreggja u qiegħed jew ibbrawżja l-fajls tal-kompjuter tiegħek biex ittella' dehriet dinamiċi 3D tad-disinn tiegħek.

    Dehriet dinamiċi 3D — speċifikazzjonijiet tekniċi
    Meta tkun tellajt id-dehra dinamika 3D tiegħek mal-formola tal-applikazzjoni tal-RCD, din ser tintwera bil-karatteristiċi tekniċi li ġejjin:

    • sfond bi gradjent griż;
    • id-dehra dinamika 3D stess tintwera bl-abjad;
    • id-dehriet dinamiċi 3D jistgħu jittellgħu fi kwalunkwe wieħed mit-tliet formati li ġejjin: OBJ, STL jew X3D;
    • daqs massimu għal dokumenti mehmuża mudelli 3D -OBJ, STL, X3D- (għal dehriet ta' disinni): 20MB;
    • id-dehriet statiċi miksuba mid-dehra dinamika 3D ser ikunu monokromatiċi (bojod u suwed);
    • sfumaturi: jenfasizzaw id-dehra dinamika 3D bis-sors tad-dawl ibbażat fuq il-perspettiva tal-utent;
    • id-daqs f'pixels huwa 490 x 315 u jibqa' fiss. Fil-frejm, l-utenti jistgħu jaraw li l-erja disponibbli għad-dehra dinamika 3D tibqa' fissa jekk ikabbru jew iċekknu l-brawżer tagħhom;
    • meta tintuża l-opzjoni tad-dehra dinamika 3D, id-dehriet statiċi kollha jridu jittieħdu mid-dehra 3D.

    Nota: It-tip ta' fajl X3D mhux appoġġat mill-Internet Explorer 10 jew dak preċedenti.

    Nota: Disinni li jikkonsistu fi jew li fihom ornamentazzjoni tal-wiċċ għandhom jiġu sottomessi mingħajr l-użu ta' dehriet dinamiċi 3D.

    Nota: L-STL binarju mhux appoġġat. Tista’ tibdel l-STL binarju tiegħek għal STL standard bl-użu tal-għodda ta’ konverżjoni.

    X'inhuma l-benefiċċji prinċipali tal-użu ta' dehriet dinamiċi 3D?

    • Meta d-disinn jiġi ppubblikat, dan ser jidher f'eSearch u ser ikun disponibbli mhux biss għall-eżaminaturi iżda għall-partijiet kollha interessati, bħal partijiet terzi u l-imħallfin.
    • Ser ikun ċar li l-immaġnijiet statiċi jiġu minn disinn uniku.
    • Dan ser jgħin biex wieħed jifhem kif id-dehriet statiċi differenti huma relatati ma' xulxin.
    • Huwa improbabbli ħafna li r-rappreżentazzjoni tad-disinn ser tkun defiċjenti, li huwa ta' benefiċċju kemm għall-applikanti kif ukoll għall-Uffiċċju.

    Kif iċċaqlaq dehra dinamika 3D?
    B'dehra dinamika 3D tista' tippreżenta d-disinn tiegħek minn angoli differenti tal-kamera.

    Sabiex iċċaqlaq dehra dinamika 3D
    Uża l-vleġeġ (xellug, lemin, 'il fuq, 'l isfel) fuq it-tastiera u/jew iż-żum.

    Il-kontrolli tat-tastiera

    Jew uża l-maws tiegħek u kklikkja fuq id-dehra nnifisha.

    Dehra dinamika tal-mudell 3D

    Sabiex ikun aktar faċli biex tbiddel l-angoli tal-kamera, uża l-opzjoni 'Kontrolli bażiċi tat-tastiera' u agħżel waħda mid-dehriet.

    Kontrolli bażiċi tat-tastiera

    Kif tieħu immaġnijiet tad-dehra li tixtieq
    Hemm żewġ modi:

    Il-buttuna Oħloq dehra minn dan l-angolu
    Angolu Il-buttuna Oħloq dehriet predefiniti
    Dehriet predefiniti
    • Wara li tagħżel id-dehra mid-dehra dinamika 3D tiegħek, ikklikkja fuq il-buttuna 'Oħloq dehra minn dan l-angolu (viewpoint)'. L-immaġni ser tidher bħal ta' hawn taħt.


    • Ikklikkja l-buttuna 'Oħloq dehriet predefiniti', li ser toħloq awtomatikament is-seba' dehriet kollha murija fuq il-kontrolli bażiċi tat-tastiera. Ser jidhru l-immaġnijiet ta' hawn taħt.


    Tista' toħloq sa seba' immaġnijiet protetti u tuża wkoll il-funzjoni biex toħloq tliet immaġnijiet oħrajn mhux protetti.

    Ċaqlaq, ħassar u iftaħ immaġni
    Ikklikkja fuq l-ikona 'Ċaqlaq' Ċaqlaq l-ikona fuq l-immaġni biex tbiddel l-ordni tad-dehriet tad-disinn u biex tbiddel l-immaġnijiet mhux protetti f'immaġnijiet protetti.

    Ikklikkja fuq l-ikona 'Ħassar' L-ikona Ħassar fuq l-immaġni biex tħassar id-dehra tad-disinn.

    Ikklikkja fuq l-immaġni mtella' u iftaħha fid-daqs sħiħ.

  • Indikazzjoni(jiet) tal-prodott/Klassifikazzjoni ta' Locarno

    Indikazzjoni tal-prodott
    Ser ikollok bżonn iżżid indikazzjoni tal-prodott. Din ma taffettwax il-kamp ta' applikazzjoni tal-protezzjoni tad-disinn Komunitarju rreġistrat, iżda hija meħtieġa għal raġunijiet legali. Għandek tagħżel l-indikazzjoni tal-prodott mil-lista tal-prodotti ta' Eurolocarno. Għandek tipprovdi indikazzjoni ta' prodott għal kull disinn li qiegħed tapplika għalih.

    Klassifikazzjoni
    Bl-użu ta' Eurolocarno, inti sejjer tara awtomatikament għal liema klassi tal-klassifikazzjoni Locarno jappartjeni l-prodott.

  • Kif nista' nżid indikazzjoni ta' prodott?

    Qabel ma nispjegaw kif iżżid indikazzjoni ta' prodott, huwa importanti li tkun taf li:

    • disinn wieħed ma jistax jaqbeż ħames termini;
    • f'applikazzjoni multipla t-termini kollha jridu jkunu fl-istess klassi, ħlief għall-Klassi 32, li tista' tiddaħħal addizzjonalment (dan għaliex l-ornamentazzjoni hija inkluża fil-Klassi 32).

    L-indikazzjoni tal-prodott u l-klassifikazzjoni ta' Locarno jistgħu jiżdiedu b'żewġ modi differenti, billi:

    1. Iddaħħal il-prodott li d-disinn tiegħek jirrappreżenta u tikklikkja fuq il-buttuna 'Żid', it-terminu jimtela' awtomatikament u jiġi vverifikat skont il-lista tal-prodotti ta' EuroLocarno.

      Klassifikazzjoni ta' Locarno

      Jekk l-indikazzjoni tal-prodott tidher f'kaxxa ħadra, dan ifisser li t-termini jkunu ġew ivvalidati korrettament. In-numri tal-klassi u s-subklassi ser jidhru awtomatikament fil-kolonna tax-xellug 'Klassifikazzjoni ta' Locarno', kif muri hawn taħt:

      It-termini mill-Klassifikazzjoni ta' Locarno
       
    2. Jekk tikklikkja fuq il-buttuna 'Ibbrawżja': il-lista sħiħa tal-indikazzjonijiet tal-prodotti ta' Eurolocarno ser tidher f'tieqa sekondarja.

      Ibbrawżja l-link

      Agħżel l-indikazzjoni tal-prodott tiegħek

      Din l-għodda tgħinek tagħżel l-indikazzjonijiet tal-prodotti korretti, inklużi l-klassijiet u s-subklassijiet. Inti ser tkun meħtieġ iddaħħal l-indikazzjoni tal-prodott fl-istrixxa tat-tfittxija u tikklikkja fuq il-buttuna 'Fittex' jew tfittex skont il-klassi/subklassi.

      Fittex indikazzjoni ta' prodott

      Ir-riżultati kollha tat-tfittxija ser jidhru, bl-identifikazzjoni tal-klassi u s-subklassi tagħhom. Immarka l-kaxxa fuq ix-xellug tal-lista tar-riżultati biex tagħżel l-indikazzjoni korretta tal-prodott. Meta tkun imlejt l-għażla tiegħek, inti tista' tirrevedi l-lista sħiħa billi tikklikkja fuq il-buttuna 'Ara l-għażla tiegħek' jew 'Li jmiss'. Imbagħad ikklikkja fuq 'Kompli' biex iżżid it-termini mal-applikazzjoni tad-disinn tiegħek.

      Jekk it-terminu ġie vvalidat korrettament, ser tidher l-indikazzjoni korretta ta' prodott f'kaxex bit-tikek ħodor u n-numri tal-klassi u s-subklassi ser jidhru awtomatikament fil-kolonna tax-xellug 'Klassifikazzjoni ta' Locarno'.

      Lista taʼ termini validati
  • Differiment u deskrizzjoni

    Differiment
    Meta tippreżenta applikazzjoni għal disinn Komunitarju, tista' titlob li l-pubblikazzjoni tagħha tiġi ddifferita għal perjodu ta' mhux aktar minn 30 xahar. Għalhekk il-prodott ser jinżamm kunfidenzjali sakemm tkun lest(a) li tiżvelah. Jekk tiddeċiedi li ma tippubblikax l-RCD, ir-reġistrazzjoni tiskadi wara l-perjodu ta' differiment ta' 30 xahar.

    Ser tkun meħtieġ tħallas it-tariffi ta' pubblikazzjoni rilevanti biex tippubblika disinn wara perjodu ta' differiment tal-pubblikazzjoni.

    Nota: It-tariffa tal-pubblikazzjoni tista' titħallas flimkien mat-tariffa ta' differiment meta tissottometti l-applikazzjoni. Madankollu, jekk eventwalment tiddeċiedi li ma tippubblikax, it-tariffa tal-pubblikazzjoni mhux ser tiġi rimborżata.

    Deskrizzjoni
    Jekk tixtieq tista' żżid deskrizzjoni tar-rappreżentazzjoni tad-disinn iżda dan huwa fakultattiv.

    L-Artikolu 1(2) tas-CDIR jgħid li l-applikazzjoni jista' jkun fiha deskrizzjoni unika għal kull disinn li ma taqbiżx il-100 kelma u li tispjega r-rappreżentazzjoni tad-disinn jew il-kampjun; id-deskrizzjoni trid tkun relatata biss ma' dawk il-karatteristiċi li jidhru fir-riproduzzjonijiet tad-disinn jew il-kampjun; din ma jridx ikun fiha dikjarazzjonijiet dwar il-karattru innovattiv jew individwali allegat tad-disinn jew il-valur tekniku tiegħu.

    Madankollu, jekk id-deskrizzjoni ma tkunx konformi mar-Regolament, ma titqajjem l-ebda oġġezzjoni. Id-deskrizzjoni ma tiġix eżaminata, għalkemm l-eżaminatur jista' jużaha biex jirrisolvi kwalunkwe dubju. Pereżempju, jekk hemm żewġ immaġnijiet li juru kards differenti, l-eżaminatur jista' jqajjem oġġezzjoni, iżda jekk id-deskrizzjoni tindika li dak li jintwera huma żewġ naħat differenti tal-istess kard, ma jeħtieġ li titqajjem l-ebda oġġezzjoni.

    Nota: Deskrizzjonijiet sottomessi wara d-data li fiha l-applikazzjoni kienet ppreżentata mhux ser jiġu aċċettati.

    Differiment
  • Informazzjoni dwar id-Disinjatur(i)

    Din is-sezzjoni mhijiex obbligatorja u għandha l-għan li torbot lid-disinjatur mad-disinn rilevanti. Madankollu, jekk tagħżel 'Oħloq ġdida', trid tipprovdi l-informazzjoni li ġejja dwar id-disinjatur(i):

    • jew il-kunjom u l-ewwel isem ta' disinjatur individwali;
    • jew inkella l-isem tat-tim tad-disinjaturi, fejn xieraq.
    Dettalji tad-disinjatur

    Żid disinjatur

    Jekk l-Uffiċċju kien assenja preċedentement numru tal-ID lid-disinjatur, inti trid iddaħħal dan in-numru u d-data tiġi importata mill-bażi ta' data.

    Meta d-disinjatur ikun irrinunzja d-dritt li jiġi kkwotat, immarka l-kaxxa xierqa, 'Rinunzja'.

    Rinunzja
  • Irrid inressaq pretensjoni għal prijorità

    Jekk matul l-aħħar sitt xhur tkun applikajt għall-istess disinn, tista' tistaqsi għal pretensjoni għal prijorità billi tikklikkja l-buttuna 'Żid Prijorità':

    Ittajpja n-numru ta' prijorità jew l-ID tad-disinn Żid pretensjoni għal prijorità
    • Agħżel il-'Pajjiż tal-ewwel preżentazzjoni' mil-lista li tinżel;
    • ittajpja n-numru tal-prijorità jew l-ID tad-disinn (it-taqsima timtela awtomatikament jekk id-dettalji tad-disinn huma disponibbli f'DesignView) u kklikkja fuq 'Importa'; jew
    • daħħal id-dettalji manwalment billi tikklikkja fuq il-buttuna 'Oħloq manwalment';
    • żid id-data tal-preżentazzjoni u n-numru tal-preżentazzjoni. Huwa obbligatorju li tehmeż id-dokumenti meħtieġa fil-ħin tal-applikazzjoni, minbarra għall-każijiet fejn il-pajjiż tal-ewwel preżentazzjoni huwa l-Uffiċċju.

    Nota: Jekk l-ewwel preżentazzjoni ma tkunx saret f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE, allura għandha tinhemeż kopja tat-traduzzjoni.

  • Issejvja d-disinn u kkopja mid-disinn

    Meta tkun żidt l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar id-disinn, issejvjaha. Imbagħad inti ser tkun tista' tara sommarju tal-informazzjoni tad-disinn tiegħek u teditjah.

    Informazzjoni dwar id-disinn(i)

    Sabiex iżżid disinn ġdid, ikklikkja fuq il-buttuna 'Żid ġdid' jew ikkopja l-informazzjoni mid-disinn li diġà daħħalt billi tikklikkja fuq il-buttuna 'Ikkopja mid-disinn'. Jekk diġà ssottomettejt iżjed minn disinn wieħed, tista' tagħżel in-numru tad-disinn eżatt li tixtieq tikkopja l-informazzjoni tiegħu.

    L-opzjoni biex tikkopja mid-disinn

Stadju 2: Disinni simili

  • X'inhu DesignView?

    DesignView huwa għodda online ta' konsulenza multilingwi li hija faċli biex tużaha. Bl-użu ta' din l-għodda kwalunkwe utent tal-internet jista' jfittex, mingħajr ħlas, id-disinni tal-uffiċċji kollha parteċipanti, inklużi l-EUIPO u l-uffiċċji nazzjonali parteċipanti.

    Dan jagħti aċċess għall-applikazzjonijiet u r-reġistrazzjonijiet tad-disinni pprovduti mill-uffiċċji parteċipanti bl-użu ta' pjattaforma waħda u unika. Kull uffiċċju huwa proprjetarju tal-kontenut li huwa jagħmel disponibbli u huwa responsabbli mill-aġġornament tiegħu ta' kuljum.

  • X'jista' jagħmel għalik DesignView?
    1. Jiċċekkja mingħajr ħlas id-disinni eżistenti u t-tendenzi tas-suq madwar l-Ewropa.
    2. Jikseb aċċess faċli għal servizzi ta' wara r-reġistrazzjoni.
    3. Jgħin jiċċekkja in-novità ta' disinn.
    4. Jgħin id-dwana fil-proċeduri jew il-ġudizzji tagħhom, pereżempju, fil-każijiet ta' kunflitt bejn il-partijiet fi proċessi amministrattivi legali u dawk legali.
    5. Jgħin l-uffiċċji jwettqu eżaminazzjoni fil-fond, pereżempju, jew jgħin l-eżaminaturi jiċċekkjaw drittijiet ta' prijorità preċedenti.

Stadju 3: Oħloq kont/Illoggja

  • Oħloq kont/Illoggja

    F'dan il-punt ser ikollok żewġ opzjonijiet:

    • jekk ma għandekx kont mal-Uffiċċju, ikklikkja fuq il-buttuna 'Oħloq kont';
    • jekk inti detentur ta' kont tal-Uffiċċju, daħħal id-dettalji tiegħek u kklikkja fuq il-buttuna 'Illoggja'.

    Id-data tiegħek ser tiġi importata fil-formola.

    Applikazzjonijiet ta' RCD għal persuni /kumpaniji li mhumiex residenti fl-UE
    Tista' tapplika għal RCD jekk inti tgħix barra l-Unjoni Ewropea (UE) imma f'dak il-każ ikollok bżonn tuża l-Formola Avvanzata u taħtar rappreżentant.

  • Applikanti u rappreżentanti

    Applikant u/jew rappreżentant jista' jiġi inkluż billi:

    Kif iżżid applikant/rappreżentant eżistenti
    Tittajpja l-isem tal-applikant/rappreżentant - ser tintwera lista ta' entrati eżistenti - u tagħmel l-għażla tiegħek u tikklikkja fuq 'Importa'. Ser jintwerew id-dettalji tal-applikant/rappreżentant; ser ikollok tikklikkja fuq il-buttuna 'Żid' biex tkompli. Dan il-metodu jista' jintuża, jekk id-dettalji jkunu ddaħħlu f'okkażjoni preċedenti.

    Nota: Tista' biss iżżid rappreżentant eżistenti jekk tkun illoggjajt bħala rappreżentant.

    Kif iżżid applikant ġdid

    1. Ikklikkja fuq il-buttuna 'Oħloq ġdid' u daħħal id-dettalji.
    2. Agħżel it-tip ta' applikant mill-menu li jinżel.
    3. Imla l-kumplament tal-formola (l-oqsma obbligatorji huma mmarkati b'asterisk *).
    4. Ikklikkja fuq il-buttuna 'Żid' biex tkompli.

    Nota: Ma tistax iżżid rappreżentanti ġodda meta tkun qiegħed tuża l-Formola f'erba' stadji Fast Track.

    Assoċjazzjonijiet
    Meta tippreżenta applikazzjoni f'isem assoċjazzjoni, jekk jogħġbok daħħal biss l-ID tal-assoċjazzjoni.

  • Abbozzi (issejvja l-applikazzjoni tiegħi bħala abbozz)
    Meta tkun qiegħed timla l-formola ta' applikazzjoni tiegħek, tista' tissejvja x-xogħol li diġà għamilt fi kwalunkwe ħin billi tissejvja l-applikazzjoni bħala abbozz. Ikklikkja fuq il-buttuna 'Issejvja l-applikazzjoni' fil-kolonna tan-naħa tal-lemin tal-applikazzjoni rrappreżentata bl-ikona Issejvja l-ikona . L-abbozz jista' jiġi aċċessat mis-sezzjoni 'Abbozzi' fil- User Area tiegħek.
  • Erġa' ibda l-formola tal-applikazzjoni

    Jekk tixtieq terġa' tibda l-applikazzjoni tiegħek, ikklikkja fuq il-buttuna 'Erġa' ibda l-applikazzjoni' u t-taqsimiet kollha li mlejt qabel jiġu żvujtati u l-informazzjoni mħassra.

  • Ipprintja l-applikazzjoni tiegħi

    Tista' tistampa l-applikazzjoni tiegħek fi kwalunkwe ħin matul il-proċess ta' applikazzjoni.


Stadju 4: Ikkonferma u ħallas

  • Konferma

    Irrevedi d-dettalji tiegħek u d-dettalji tad-disinn tiegħek
    F'dan l-istadju tista' tara d-dettalji tal-applikazzjoni li ser tissottometti; xorta tista' timmodifikahom fid-'Dettalji tad-disinn' qabel tissottometti l-applikazzjoni.

  • Firma

    Jekk timla t-taqsimiet 'L-ewwel isem u kunjom' u 'Kapaċità ta' firmatarju', inti tikkonferma li vverifikajt id-dettalji u tixtieq tissottometti l-applikazzjoni tad-disinn.

    Firma

    Tista' żżid persuna waħda bħala firmatarju addizzjonali.

    Nota: Ftakar li huma biss persuni fiżiċi li jistgħu jiffirmaw formola tal-applikazzjoni.

    Meta l-applikazzjoni tkun ġiet riveduta, ikklikkja fuq il-buttuna 'Ikkonferma u Ħallas'.

    Il-buttuna Ikkonferma u ħallas

    Tkun trid tagħżel il-metodu ta' pagament li tixtieq tuża fit-tieqa tal-pagament.

    Nota: L-opzjoni li tħallas permezz ta' trasferiment bankarju mhijiex disponibbli għall-Formola tal-applikazzjoni f'erba' stadji Fast Track.

    Meta tikklikkja fuq il-buttuna 'Ikkonferma l-pagament' u 'Kompli' fit-tieqa li jmiss, l-applikazzjoni tiegħek ser tiġi sottomessa.

    Il-buttuna Ikkonferma u ħallas Il-buttuna Ikkonferma u ħallas
  • X'jiġri wara li nkun issottomettejt il-formola tal-applikazzjoni tiegħi?

    Meta jitlesta l-proċess ta' sottomissjoni, ser tirċievi konferma li l-applikazzjoni tiegħek ġiet sottomessa b'mod korrett, flimkien ma' numru ta' applikazzjoni uffiċjali. Ser tkun meħtieġ ukoll tniżżel l-irċevuta uffiċjali u l-konferma f'fajl uniku PDF. Wieħed għandu jinnota li l-Uffiċċju ma joħroġx kopji tal-irċevuti.

    konferma li l-applikazzjoni tiegħek ġiet sottomessa b'mod tajjeb
Il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar 24-02-2018
Aħna nużaw il-cookies fuq is-sit web tagħna biex jappoġġaw karatteristiċi tekniċi li jtejbu l-esperjenza tiegħek bħala utent. Nużaw ukoll l-analitika. Għal aktar informazzjoni kklikkja