Mur fil-paġna ewlenija
EUIPO
Ipproteġi l-marki kummerċjali u d-disinji tiegħek fl-Unjoni Ewropea

Ipproteġi l-proprjetà intellettwali tiegħek fl-Unjoni Ewropea

Menu

Proċess ta' reġistrazzjoni

Għadek kif ippreżentajt disinn. X'jiġri mbagħad? Hemm xi ħaġa li għandek bżonn tagħmel?

Meta tasal għand l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), l-applikazzjoni tiegħek tiġi ċċekkjata mill-eżaminaturi tagħna. Jekk ippreżentajt id-disinn tiegħek online, ir-rotta għar-reġistrazzjoni se tkun waħda faċli. Il-biċċa l-kbira tal-preżentati online jiġu rreġistrati fi ftit jiem.

Dan li ġej jikkonċerna applikazzjonijiet ippreżentati direttament għand l-EUIPO. L-Uffiċċju Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) iwettaq il-biċċa l-kbira tal-verifiki tal-formalitajiet għal reġistrazzjonijiet internazzjonali ppreżentati mal-WIPO li jiddeżinjaw l-UE.


Kriterji ta' eżaminazzjoni

Rekwiżiti formali

L-applikazzjonijiet kollha jgħaddu minn verifika tal-formalitajiet. Meta eżaminatur jidentifika problema, din tiġi kkomunikata lilek jew lir-rappreżentant tiegħek (jekk tkun qabbadt wieħed) għal rimedju. Ġeneralment tingħata perjodu ta' xahrejn biex tirrispondi għall-oġġezzjoni tal-eżaminatur (jew ittra ta' nuqqasijiet kif nirreferu għaliha aħna). Jekk dan il-perjodu ma jkunx biżżejjed, tista' titlob estensjoni. Ġeneralment, l-EUIPO jilqa' l-ewwel talba għal estensjoni awtomatikament. Madankollu, it-tieni talba għal estensjoni tingħata biss jekk tkun iġġustifikata b'mod suffiċjenti u xieraq.


Hawnhekk tista' ssib xi eżempji ta' problemi li jistgħu jinqalgħu:

Soluzzjoni

Ir-rappreżentazzjoni li ssottomettejt mhijiex xierqa għal riproduzzjoni, jiġifieri mir-rappreżentazzjoni mhuwiex ċar għaliex hija mfittxija l-protezzjoni. Soluzzjoni Aħbi

Se tintalab tibgħat (bil-posta) rappreżentazzjoni ċara tad-disinn li hija mfittxija l-protezzjoni għalih. Id-data meta l-EUIPO jirċievi r-rappreżentazzjoni ssir id-data tal-preżentata.

Il-fehmiet li ssottomettejt huma inkonsistenti ma' xulxin. Soluzzjoni Aħbi

Se tintalab biex:

  • Tneħħi l-fehma/fehmiet li ma jaqblux mill-applikazzjoni tiegħek jew
  • Tikkonverti l-applikazzjoni tiegħek f'applikazzjoni multipla għal disinni differenti u tħallas it-tariffi korrispondenti
Jew inti kumpanija mingħajr post tan-negozju jew stabbiliment reali u effettiv fl-Unjoni Ewropea, jew inti individwu li d-domiċilju tiegħu jinsab barra mill-Unjoni Ewropea u ma qabbadtx rappreżentant. Soluzzjoni Aħbi

Se tintalab taħtar rappreżentant.

It-tariffi li ħallast ma jkoprux id-disinni kollha li applikajt għalihom. Soluzzjoni Aħbi

Se tintalab tħallas it-tariffa pendenti jew tneħħi xi wħud mid-disinni tiegħek.

Ma indikajtx prodott jew l-indikazzjoni għandha xi żball. Soluzzjoni Aħbi

Se tintalab tindika l-prodott jew tispeċifika n-natura u l-iskop tal-prodotti sabiex ikun hemm klassifikazzjoni xierqa. Nirrakkomandaw ħafna li tuża l-għodda ta' klassifikazzjoni Eurolocarno.


Jekk it-tweġiba tiegħek ma ssolvix il-problema, l-eżaminatur se jirrifjuta l-applikazzjoni għal disinn tiegħek jew b'mod sħiħ jew, f'każ ta' applikazzjoni multipla, għal xi wħud mid-disinni. L-eżaminatur joħroġ deċiżjoni, li tista' tiġi appellata jekk ma taqbilx magħha.

X'neżaminaw

L-eżami sostantiv tal-EUIPO huwa limitat għal żewġ kwistjonijiet:

  1. Id-disinn tiegħek huwa disinn?
    Id-disinn tiegħek jirrappreżenta d-dehra tal-prodott kollu jew ta' parti minnu? L-eżaminatur joħroġ notifika jekk ikun iħoss li dan mhux minnu. Pereżempju, disinn li jirrappreżenta pjanta ħajja jirċievi notifika bħal din.
  2. Id-disinn fih element li jmur kontra l-politika pubblika u l-moralità?
    Il-kunċetti ta' politika pubblika u moralità jistgħu jvarjaw minn pajjiż għal ieħor. Iżda fid-dawl tal-karattru unitarju ta' RCD, huwa suffiċjenti li disinn jinstab li jmur kontra l-politika pubblika f'tal-anqas parti mill-Unjoni Ewropea biex id-disinn jiġi rrifjutat.

Jekk eżaminatur iqis li d-disinn tiegħek ikun jikser xi waħda minn dawn iż-żewġ regoli, se jibgħat ittra ta' nuqqasijiet li toffrilek il-possibbiltà li tirtira jew temenda r-rappreżentazzjoni tad-disinn. Tista' tissottometti wkoll osservazzjonijiet. Jekk tiddeċiedi li tissottometti rappreżentazzjoni emendata tad-disinn, din ir-rappreżentazzjoni se tkun ammissibbli bil-kundizzjoni li tinżamm l-"identità tad-disinn". Ovvjament, ma tistax tissottometti disinn kompletament differenti. Tista' biss tneħħi jew tirrinunzja għal karatteristiċi mhux sinifikanti, jiġifieri dawk li x'aktarx ma jiġux innutati mill-utent infurmat.

Jekk ma twieġeb xejn jew ma ssolvix il-problema enfasizzata mill-eżaminatur, dan se jibgħat notifika li d-disinn ġie rrifjutat. Din id-deċiżjoni tista' tiġi appellata wkoll.

Eskluż mill-eżaminar

L-Uffiċċju mhux se jivverifika minn jeddu jekk id-disinn tiegħek huwiex ġdid jew jekk għandux karattru individwali. Partijiet terzi jistgħu jitolbu li d-disinn tiegħek jiġi ddikjarat invalidu. Il-proċedura ta' invalidità tista' titnieda biss għal disinn ladarba dan ikun ġie rreġistrat u mhux matul il-proċess ta' reġistrazzjoni.

Evidenza tar-reġistrazzjoni

Jekk ma tiġi identifikata l-ebda problema jew jekk issolvi kwalunkwe problema li tirriżulta, id-disinn tiegħek se jiġi rreġistrat. Dan se jiġi ppubblikat ukoll fil-Bulettin tad-Disinni Komunitarji. Jekk tlabt li d-disinn tiegħek jiġi differit, se jiġu ppubblikati biss in-numru tad-disinn, id-data ta' preżentata, id-dati ta' reġistrazzjoni u l-ismijiet tal-applikant u r-rappreżentant. Ir-rappreżentazzjoni tad-disinn innifisha mhijiex se tiġi ppubblikata.

Jinħareġ ċertifikat ta' reġistrazzjoni online wara li d-disinn Komunitarju rreġistrat ikun ġie ppubblikat b'mod sħiħ. Inti mistieden/mistiedna tniżżel iċ-ċertifikat mill-jum wara l-pubblikazzjoni. Mhux se tinħareġ kopja stampata taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni. Madankollu, jistgħu jintalbu kopji ċċertifikati taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni jew kopji mhux iċċertifikati.

Kif tikkontesta d-deċiżjoni tal-Uffiċċju

Partijiet li huma affettwati ħażin minn deċiżjoni finali jistgħu jippreżentaw appell. Jekk tixtieq tippreżenta appell, inti tista' tuża l-formola stampata tagħna. Jekk teħtieġ, tista' wkoll tikkonsulta n-noti ta' spjega. Tista' tagħmel dan ukoll online permezz tal-User Area tiegħek.

Il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar 11-01-2017
Aħna nużaw il-cookies fuq is-sit web tagħna biex jappoġġaw karatteristiċi tekniċi li jtejbu l-esperjenza tiegħek bħala utent. Nużaw ukoll l-analitika. Għal aktar informazzjoni kklikkja