Bidliet proċedurali

Bidliet proċedurali

Mill-1 ta' Ottubru 2017, ser japplikaw għadd ta' bidliet proċedurali.

Il-bidliet kollha ser ikunu riflessi fil-Linji gwida riveduti. Ħarsa ġenerali fil-qosor lejn xi wħud mill-bidliet ewlenin hija pprovduta fuq din il-paġna; l-utenti huma mfakkra li din mhijiex lista eżawrjenti. Jekk jogħġbok kun af li l-Linji gwida tal-Uffiċċju jibqgħu l-punt ta' referenza prinċipali għall-utenti tas-sistema tat-trademarks tal-Unjoni Ewropea u għall-konsulenti professjonali li jridu jiżguraw li jkollhom l-aħħar informazzjoni dwar il-prattiki ta' eżaminazzjoni tal-EUIPO.

Tip ta' bidla
Prijorità Uri Aħbi

Ħarsa ġenerali

Il-pretensjonijiet ta' prijorità jridu jiġu ppreżentati flimkien mal-applikazzjoni tal-EUTM (qabel, tali pretensjonijiet setgħu jsiru wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni). Id-dokumentazzjoni b'appoġġ għall-pretensjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien tliet xhur mid-data tal-preżentazzjoni (preċedentement fi żmien tliet xhur mir-riċevuta tad-dikjarazzjoni ta' prijorità). Jekk din id-dokumentazzjoni tal-aħħar ma tkunx b'lingwa tal-Uffiċċju, l-Uffiċċju issa għandu l-għażla li jitlob traduzzjoni ta' tali dokumentazzjoni.

Bidla oħra fil-prattika tal-Uffiċċju hija li l-pretensjoni ta' prijorità ma għadhiex tiġi eżaminata fis-sustanza tagħha. Din tibqa' bħala "sempliċement" pretensjoni sakemm issir ta' min joqgħod fuqha u jkun meħtieġ li tiġi vvalidata fil-proċedimenti.

Karattru distintiv miksub bħala pretensjoni sussidjarja Uri Aħbi

Ħarsa ġenerali

L-applikanti ser ikollhom il-possibbiltà li jinvokaw l-Artikolu 7(3) bħala pretensjoni sussidjarja jew alternattiva, fil-bidu tal-proċess ta' applikazzjoni jew aktar tard. Il-vantaġġ ta' pretensjoni sussidjarja huwa li f'każ li tittieħed deċiżjoni finali negattiva dwar il-karattru distintiv inerenti din sempliċiment issir aktar ċara. Dan jippermetti lill-applikant juża bis-sħiħ id-dritt tiegħu ta' appell dwar il-karattru distintiv inerenti qabel ma jkun meħtieġ jagħti prova tal-karattru distintiv miksub. Dan ifisser li l-utenti ma għandhomx għalfejn iġarrbu l-ispejjeż relatati mal-ġbir u l-preżentazzjoni ta' evidenza tal-użu sakemm dan ma jkunx meħtieġ.

Proċedimenti ta' oppożizzjoni/kanċellazzjoni Uri Aħbi

Ħarsa ġenerali

Ir-rekwiżiti ta' ammissibbiltà u sostantazzjoni għal azzjonijiet għal raġunijiet relattivi ngħataw ordni mill-ġdid sabiex tinkiseb ċarezza u sabiex titqies ir-raġuni separata dwar indikazzjonijiet ġeografiċi introdotti mill-Artikolu 8(6) EUTMR. Id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-proċedimenti ta' kanċellazzjoni huma allinjati mal-proċedimenti ta' oppożizzjoni ħlief meta d-differenzi jiġu ġġustifikati min-natura differenti tagħhom. EUTMDR jintroduċi regoli qafas dwar evidenza tardiva u jikkodifika l-prattika tal-Uffiċċju dwar is-sospensjoni ta' ċedimenti u l-għeluq/il-kontinwazzjoni ta' revoka pendenti jew proċedimenti ta' invalidità.

Sostanzjazzjoni online Uri Aħbi

Ħarsa ġenerali

Eżempju ċar fejn wieħed jadatta għall-era tal-internet huwa meta l-evidenza li tikkonċerna drittijiet preċedenti li huma "rreġistrati" (eż. trademarks irreġistrati, ċerti sinjali użati fil-kummerċ jew indikazzjonijiet ġeografiċi), jew il-kontenut ta' liġi nazzjonali rilevanti, ikunu aċċessibbli minn sors online rikonoxxut mill-Uffiċċju, l-opponent jew l-applikant li jikkanċella jista' jipprovdi tali evidenza billi jirreferi għal dak is-sors .

Għal dan il-għan, l-Uffiċċju "jirrikonoxxi" l-bażijiet taʼ data kollha tal-uffiċċji nazzjonali u reġjonali tal-proprjetà intellettwali tal-UE, u t-TMview hija aċċettabbli bħala l-portal li permezz tiegħu jkunu jistgħu jiġu "aċċessati" l-uffiċċji nazzjonali.

Lingwi u traduzzjoni Uri Aħbi

Ħarsa ġenerali

Mill-1 ta’ Ottubru 2017 ’il quddiem, il-parti l-kbira tat-tipi ta’ evidenza jistgħu jibqgħu jitressqu bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE. Fejn il-lingwa użata għall-evidenza ta' prova (bl-eċċezzjoni ta’ ċertifikati ta’ sottomissjoni, reġistrazzjoni jew tiġdid jew dispożizzjoni tal-liġi rilevanti) ma tkunx il-lingwa tal-proċedimenti, traduzzjoni issa se tkun meħtieġa biss fejn mitluba mill-Uffiċċju -– fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba raġonevoli mill-parti l-oħra. L-evidenza tal-karattru distintiv miksub jew tar-reputazzjoni taqa’ f’din il-kategorija.

Madankollu, evidenza ta' prova (ċertifikati ta' sottomissjoni, reġistrazzjoni u tiġdid jew dispożizzjonijiet tal-liġi rilevanti) għad trid tiġi sottomessa bil-lingwa tal-proċedimenti (jew tradotta għal din il-lingwa) fiż-żmien stipulat għall-prova.

Barra minn hekk, l-”istandard tat-traduzzjonijiet” kif stipulat fl-Artikolu 25 tal-EUTMIR huwa inqas esiġenti milli fil-passat. Fejn parti tkun indikat li partijiet biss mid-dokument huma rilevanti, it-traduzzjoni tista’ tiġi limitata għal dawk il-partijiet.

Dawn it-tibdiliet iġibu magħhom benefiċċji reali għall-utenti tas-sistema tal-EUTM. Jiffaċilitaw l-ekonomija, is-simplifikazzjoni u ġeneralment inqas spejjeż.

Ċessjoni ta' EUTM bħala rimedju Uri Aħbi

Ħarsa ġenerali

Fejn aġent jew rappreżentant jirreġistra EUTM, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju, il-proprjetarju għandu d-dritt li jitlob iċ-ċessjoni tal-EUTM (sakemm l-aġent jew ir-rappreżentant ma jiġġustifikax l-azzjonijiet tiegħu jew tagħha). Qabel, ir-rimedju għall-proprjetarju taħt l-EUTMR kien li jinvalida l-EUTM.

Il-proċess il-ġdid għal ċessjoni skont l-Artikolu 21(2)(a) tal-EUTMR se jsegwi l-istess proċess proċedurali bħall-proċedimenti ta' invalidità bbażati fuq l-Artikolu 60 tal-EUTMR. Għal azzjonijiet li jibdew fl-1 ta' Ottubru 2017 jew wara, iċ-ċessjoni se tkun rimedju alternattiv biex trademark issir invalida. Għal dawn l-azzjonijiet, l-applikant għall-invalidità jista' jgħaqqad it-talba għal ċessjoni ma' talba għal invalidazzjoni għal raġunijiet oħra fl-istess azzjoni ta' invalidità. F'dawn il-każijiet, l-Uffiċċju ser jeżamina l-ewwel it-talba għal ċessjoni (ħlief meta jkun hemm raġuni valida assoluta għall-invalidità skont l-Artikolu 59(1)(a) EUTMR, f'liema każ dik ir-raġuni tiġi eżaminata l-ewwel).

Komunikazzjoni mal-Uffiċċju Uri Aħbi

Ħarsa ġenerali

Il-mezzi ta' komunikazzjoni minn u mal-Uffiċċju nbidlu biex jiġu meqjusa l-iżviluppi fit-teknoloġija tal-informazzjoni. B’mod partikolari:

  • Forom ta' komunikazzjoni li m'għadhomx jintużaw tneħħew, jiġifieri, it-twassil bl-idejn u d-depożitu f'kaxxa postali fl-Uffiċċju;
  • "Mezzi elettroniċi" huwa definit b'mod wiesa' sabiex issa jkopri l-fax u potenzjalment ħafna tipi oħrajn ta’ midja.  Deċiżjoni Nru EX-17-4 tad-Direttur Eżekuttiv dwar komunikazzjoni permezz ta' mezzi elettroniċi, tistabbilixxi sa liema punt u taħt liema kundizzjonijiet tekniċi jistgħu jintużaw dawn il-mezzi ta' komunikazzjoni (ara wkoll it-taqsima hawn taħt dwar l-użu tal-fax).
  • Referenza speċifika għal "tele copier u mezzi tekniċi oħrajn" ta’ komunikazzjoni – li tkopri l-fax – titneħħa mil-leġiżlazzjoni sekondarja (iżda ara l-punt preċedenti dwar "mezzi elettroniċi");
  • "Courier" ġiet introdotta speċifikament bħala mezz ta' komunikazzjoni minn u mal-Uffiċċju flimkien mal-komunikazzjonijiet bil-posta.

Użu ta' fax bħala mezz ta' komunikazzjoni elettronika
Filwaqt li l-fax jibqa' mezz ta' komunikazzjoni importanti għall-Uffiċċju f'diversi oqsma, għal ċerti kompiti l-użu tiegħu issa huwa marġinali-  inqas minn 1% tal-applikazzjonijiet tal-EUTM u madwar   2% ta' tiġdid ta' EUTM huma ppreżentati permezz tal-fax. Ir-riforma leġiżlattiva tieħu kont ta' dan ix-xenarju ta' komunikazzjoni li qed jinbidel u l-użu tal-fax għal applikazzjonijiet jew tiġdid ta' EUTM se jiġi affettwat b'diversi modi :

  • Mill-1 ta’ Ottubru 2017, flimkien mal-User Area (preżentata elettronika), il-fax jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ komunikazzjoni permezz ta’ “mezzi elettroniċi”, dan ifisser li t- tariffa bi skont għall-applikazzjonijiet EUTM u t-tiġdid tagħhom permezz ta’ mezzi elettroniċi fl-Anness I tal-EUTMR se tapplika għall-fax.
  • Mill-1 ta’ Jannar 2018, madankollu, il-fax mhux se jibqa’ aċċettat għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet EUTM jew it-tiġdid tagħhom minbarra bħala sistema ta’ backup kemm-il darba l-preżentata elettronika ma tkunx tista’ ssir minħabba ħsara teknika. F’dan il-każ l-applikanti jistgħu jiżguraw data għall-preżentazzjoni bil-fax jekk: (i) għall-applikazzjonijiet EUTM, jissottomettu mill-ġdid l-istess applikazzjoni permezz tal-preżentata elettronika fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol; (ii) għat-tiġdid tal-EUTM, jissottomettu l-applikazzjoni għat-tiġdid bil-fax fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien statutorju inizjali jew estiż għat-tiġdid. Dan huwa stipulat fid-Deċiżjoni Nru EX-17-4 tad-Direttur Eżekuttiv (Anness).
 
 
Bordijiet tal-Appell Uri Aħbi

Ħarsa ġenerali

EUTMDR jikkonsolida dispożizzjonijiet relatati mal-Bordijiet tal-Appell li preċedentement kienu mifruxa ma' sorsi varji inkluż ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 216/96 (Regoli taʼ Proċedura tal-Bordijiet tal-Appell). Il-kjarifiki u l-bidliet prinċipali huma relatati mal-kontenut tad-dikjarazzjoni tar-raġunijiet u tar-rispons, il-"kontroappelli", it-talbiet imqajma u l-fatti jew l-evidenza ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell, raġunijiet assoluti ġodda mqajma mill-Bord tal-Appell, proċedimenti mħaffa u l-organizzazzjoni u l-istruttura tal-Bordijiet tal-Appell.

Dispożizzjonijiet Tranżitorji Uri Aħbi

Ħarsa ġenerali

Kemm l-EUTMIR u l-EUTMDR japplikaw mill-1 ta' Ottubru 2017. Madankollu, dispożizzjonijiet speċifiċi jkomplu japplikaw għal ċerti proċedimenti li kienu nbdew qabel dik id-data sal-konklużjoni ta' dawn il-proċedimenti. Konsegwentement, iż-żewġ Regolamenti jinkludu dispożizzjonijiet tranżitorji dettaljati u jistipulaw meta r-regoli proċedurali l-ġodda japplikaw għall-proċedimenti. Bħala regola, iż-żewġ Regolamenti japplikaw għal proċedimenti li għadhom għaddejjin mill-1 ta' Ottubru 2017 sakemm ma jkunx previst mod ieħor. Sib id-dispożizzjonijiet tranżitorji kollha f'din it-tabella.

Is-sommarju li ġej jista' jkun ta' interess partikolari:

Regoli ġodda dwar:

Applika għal

  • Kontenut tal-applikazzjoni EUTM
  • Rappreżentazzjoni tal-EUTM
  • Tipi ta' marki
  • Prijorità

Applikazzjonijiet għal EUTMli daħlu fl-01/10/2017 jew wara.

EUTMIR

  • Ċertifikat tar-reġistrazzjoni

EUTMs irreġistrati fl-01/10/2017 jew wara.

EUTMIR

  • Lingwi u Traduzzjonijiet

Dokumenti ta' sostenn jew traduzzjonijiet mdaħħla fl-01/10/2017 jew wara.

EUTMIR

  • Sostanzjazzjoni u eżaminazzjoni ta' oppożizzjonijiet/invalidità
  • Sostanzjazzjoni online
  • Evidenza tardiva

Proċedimenti li għalihom, il-parti avversarja bdiet fl-01/10/2017 jew wara.

EUTMDR

  • Appelli

Appelli mdaħħla fl-01/10/2017 jew wara.

EUTMDR

  • Struttura u preżentazzjoni tal-evidenza

Meta l-perjodu għall-preżentazzjoni ta' evidenza beda fl-01/10/2017 jew wara.

EUTMDR

  • Notifiki mill-Uffiċċju u komunikazzjoni mal-Uffiċċju

Notifiki mill-Uffiċċju u komunikazzjoni li saret fl-01/10/2017 jew wara.

EUTMDR

  • Sospensjoni tal-proċedimenti

Sospensjonijiet mitluba jew imposti mill-Uffiċċju fl-01/10/2017 jew wara.

EUTMDR

As and from 1 October 2017, there will be three main areas of change. Click on each section to get full details:

Il-kontenut ta’ din it-taqsima huwa għal informazzjoni u sensibilizzazzjoni ġenerali tar-Regolament dwar it-trademark tal-UE. Dawn mhumiex legalment vinkolanti.
Aħna nirrakkomandaw bis-sħiħ li l-utenti kollha jirreferu għar-Regolament (UE) Nru 2015/2424, disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE.
Tajjeb tkun taf li l-Linji gwida tal-Uffiċċju jibqgħu l-punt ta' referenza ewlenin għall-utenti tas-sistema tat-trademark tal-Unjoni Ewropea u l-konsulenti professjonali li jridu jiżguraw li jkollhom l-aħħar informazzjoni dwar il-prattiki ta' eżaminazzjoni tal-EUIPO.

Informazzjoni relatata mal-bidliet li daħlu fis-seħħ fit-23 ta' Marzu 2016 jistgħu jinstabu hawnhekk.

Il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar 11-10-2017