Mur fil-paġna ewlenija
EUIPO
Ipproteġi l-marki kummerċjali u d-disinji tiegħek fl-Unjoni Ewropea

Ipproteġi l-proprjetà intellettwali tiegħek fl-Unjoni Ewropea

Menu

Spjegazzjoni Dettaljata
tat-Trademarks

Strateġija

Il-ħarsien tat-trademarks tal-Unjoni Ewropea jagħtik l-akbar potenzjal biex tiżviluppa u tiddefendi d-ditta tiegħek, u l-aċċess għal diversi possibbiltajiet li l-proprjetà intellettwali tista' toffri. Madankollu, jeħtieġ li tirrealizza dan il-potenzjal: aktar ma tikkontribwixxi, aktar ma jkollok riżultat.

 

L-istrateġija li tadotta għat-trademark tiegħek se tkun unika għalik. Din se tirrifletti l-interessi usa' tal-kumpanija tiegħek u l-portafoll tagħha tal-proprjetà intellettwali. Jekk issegwi dawn l-interessi, inti għandek tqis tliet kwistjonijiet b'mod partikolari:

 

Kif tuża t-trademark tiegħek

Kif semmejna diġà, ma hemm l-ebda dritt mingħajr obbligu. Id-dritt li ngħatalek huwa għodda b'saħħitha li tista' tintuża biex tgħinek tiżviluppa r-rikonoxximent tad-ditta fis-suq. Madankollu, il-monopolju li għandek f'idejk għandu jservi skop jew jista' jitneħħa. L-iskop tat-trademark tiegħek huwa li tiddistingwi l-prodotti u/jew is-servizzi tiegħek minn dawk tal-kompetituri tiegħek fis-suq. Għalhekk, it-trademark tiegħek għandha tintuża. Jekk ma tużahiex, partijiet terzi jistgħu jikkontestaw it-trademark tiegħek għan-nuqqas ta' użu. Il-liġi tistabbilixxi li trademark tal-UE għandha tintuża b'mod ġenwin fl-Unjoni Ewropea fil-ħames snin wara r-reġistrazzjoni tagħha.

It-trademark tiegħek tista' tiġi kkanċellata wkoll jekk, minħabba l-użu li tagħmel minnha, din issir l-isem komuni għal prodott jew servizz, jew jekk tibda tiżgwida lin-nies dwar in-natura , il-kwalità jew l-oriġini ġeografika tal-prodotti u s-servizzi li għalihom hija rreġistrata.

Kif tiddefendi t-trademark tiegħek

Il-fatt li inti s-sid ta' trademark ma jfissirx li partijiet terzi se jieqfu jikkontestawha. Fil-fatt, partijiet terzi li jkunu naqsu milli josservaw il-limiti ta' żmien għall-preżentazzjoni ta' osservazzjonijiet jew oppożizzjoni jingħataw it-tieni opportunità li fiha jistgħu jipprovaw jiksbu l-kanċellazzjoni tad-dritt tiegħek.

Forsi tista' taħseb li dan mhuwiex ġust, iżda kieku inti kont flokhom, forsi taraha minn perspettiva differenti: immaġina kieku inti nqast milli tosserva l-limitu ta' żmien biex tippreżenta oppożizzjoni kontra waħda mit-trademarks tal-kompetituri tiegħek.

Il-preżentazzjoni ta' azzjoni ta' kanċellazzjoni twassal għall-bidu ta' proċedura li fiha jseħħ skambju ta' argumenti bejn il-partijiet involuti. Eventwalment, jekk ma jintlaħaq l-ebda qbil, aħna se nieħdu deċiżjoni.

Talba għal kanċellazzjoni tiswa €630. Hemm żewġ formoli differenti li tista' tuża: il-formola ta' dikjarazzjoni ta' invalidità u l-formola ta' revoka. Id-differenza bejniethom hi li l-invalidità tagħmel it-trademark invalida b'effett retroattiv (tneħħiha għalkollox mir-Reġistru ta' trademarks), u r-revoka tapplika mid-data li ssir it-talba lill-Uffiċċju.

Kif tiżviluppa d-ditta tiegħek

L-istrateġija tal-proprjetà intellettwali (IP) tiegħek se tevolvi mas-snin u magħha l-bżonn tiegħek li tespandi. Jekk l-ambizzjonijiet tiegħek jestendu lil hinn mill-Unjoni Ewropea (UE), inti għandek tfittex estensjoni tat-trademark tiegħek barra mill-UE.

Hemm diversi opzjonijiet biex tagħmel dan. Inti tista' jew tippreżenta applikazzjonijiet individwali direttament ma' kwalunkwe uffiċċju tal-proprjetà intellettwali mhux tal-UE jew tista' tippreżenta applikazzjoni internazzjonali permezz tal-Protokoll ta' Madrid.

Il-Protokoll ta' Madrid huwa strument essenzjali fil-ħarsien tat-trademarks fid-dinja kollha. Din hija sistema ta' reġistrazzjoni internazzjonali, li hija amministrata mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) f'Ġinevra u ġiet ratifikata minn ħafna pajjiżi fid-dinja kollha, inkluż kważi l-pajjiżi kollha individwali Ewropej, l-Istati Uniti, il-Ġappun, l-Awstralja, iċ-Ċina, ir-Russja, u, f'Ottubru 2004, l-Unjoni Ewropea.

Il-Protokoll ta' Madrid jeħtieġ marka bażika, li mbagħad tiġi estiża għal Stati oħra li huma parti għall-Ftehim u/jew il-Protokoll ta' Madrid. Huwa importanti li tkun taf li, legalment, ma tridx tistenna li l-applikazzjoni tat-trademark tal-UE tiegħek tkun irreġistrata qabel tapplika għal 'estensjoni' tat-trademark tiegħek barra mill-UE. Madankollu, se jkun hemm dipendenza matul ħames snin bejn l-EUTM bażika u r-reġistrazzjoni internazzjonali. Għaldaqstant, jekk l-applikazzjoni tat-trademark tal-UE tiegħek ma tasalx sar-reġistrazzjoni, tkun xi tkun ir-raġuni, ir-reġistrazzjoni internazzjonali ser tintilef.

L-applikazzjoni internazzjonali trid tiġi ppreżentata mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO). Sabiex juża l-EUIPO bħala l-'Uffiċċju ta' Oriġini', is-sid/l-applikant tat-trademark tal-UE għandu jkun ċittadin ta' Stat Membru tal-UE jew ikollu stabbiliment industrijali jew kummerċjali reali u effettiv jew domiċilju fl-Unjoni Ewropea. Fi kliem ieħor, mhux is-sidien/l-applikanti kollha tat-trademarks tal-UE jistgħu jippreżentaw applikazzjoni ta' reġistrazzjoni internazzjonali (IR) ibbażata fuq trademark tal-UE.

Biex tippreżenta applikazzjoni internazzjonali, huwa obbligatorju li tuża l-formoli uffiċjali: L-applikanti ma jistgħux jużaw formoli oħra jew jibdlu l-kontenut u t-tqassim tal-formoli.

  • L-EUIPO jipprovdi għodda tal-e-filing, disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha li għandha l-istess format bħall-format tal-EUIPO EM 2. L-EUIPO jirrakkomanda bis-sħiħ l-użu tal-għodda tal-e-filing sal-punt li tagħti gwida lill-applikant, u għaldaqstant tnaqqas in-numru ta' nuqqasijiet potenzjali u tħaffef l-eżaminazzjoni. L-għodda tal-e-filing hija disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE iżda lingwa tal-Protokoll ta' Madrid trid tiġi indikata wkoll (Franċiż, Ingliż jew Spanjol), minħabba li l-applikazzjoni se tgħaddi għand il-WIPO f'dik il-lingwa magħżula.
     
  • Il-formola stampata tal-EUIPO EM 2 (l-adattazzjoni tal-EUIPO tal-formola tal-WIPO MM2) hija disponibbli fil-lingwi uffiċjali tal-UE kollha.
     
  • il-formola WIPO MM2 bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bl-Ispanjol

Għandha titħallas tariffa ta' ġestjoni ta' €300 lill-EUIPO meta tintalab l-applikazzjoni internazzjonali, filwaqt li t-tariffi internazzjonali jridu jitħallsu direttament lill-WIPO. Kwalunkwe pagament dovut lill-WIPO li jkun intbagħat lill-EUIPO jiġi rritornat lill-applikant.

Wara li jkun ivverifika l-kontenut u l-kompletezza tal-applikazzjoni, l-EUIPO jgħaddi l-applikazzjoni internazzjonali lill-WIPO. L-EUIPO huwa meħtieġ jinnotifika lill-WIPO dwar kwalunkwe bidla rilevanti li taffettwa lit-trademark tal-UE matul il-perjodu ta' dipendenza (il-ħames snin li jsegwu d-data tal-applikazzjoni internazzjonali).

Inti tista' żżid aktar pajjiżi mar-reġistrazzjoni internazzjonali tiegħek malli tkun ġiet irreġistrata mill-WIPO. Għalkemm dan jista' jsir permezz tal-EUIPO bħala l-Uffiċċju ta' Oriġini, huwa ferm aktar sempliċi jekk tippreżenta denominazzjonijiet addizzjonali direttament mal-Bureau (skont l-IATE) Internazzjonali tal-WIPO.

Għandha titħallas tariffa ta' ġestjoni ta' €300 lill-EUIPO meta tintalab l-applikazzjoni internazzjonali, filwaqt li t-tariffi internazzjonali jridu jitħallsu direttament lill-WIPO. Kwalunkwe pagament dovut lill-WIPO li jkun intbagħat lill-EUIPO jiġi rritornat lill-applikant.

Wara li jkun ivverifika l-kontenut u l-kompletezza tal-applikazzjoni, l-EUIPO jgħaddi l-applikazzjoni internazzjonali lill-WIPO. L-EUIPO huwa meħtieġ jinnotifika lill-WIPO dwar kwalunkwe bidla rilevanti li taffettwa lit-trademark tal-UE matul il-perjodu ta' dipendenza (il-ħames snin li jsegwu d-data tal-applikazzjoni internazzjonali).

Inti tista' żżid aktar pajjiżi mar-reġistrazzjoni internazzjonali tiegħek malli tkun ġiet irreġistrata mill-WIPO. Għalkemm dan jista' jsir permezz tal-EUIPO bħala l-Uffiċċju ta' Oriġini, huwa ferm aktar sempliċi jekk tippreżenta denominazzjonijiet addizzjonali direttament mal-Bureau (skont l-IATE) Internazzjonali tal-WIPO.

Xʼtistaʼ tkun trademark tal-UE

Trademark tal-UE tistaʼ tikkonsisti minn kwalunkwe sinjali, bʼmod partikolari kliem (inklużi ismijiet personali), jew disinji, ittri, ċifri, kuluri, l-għamla taʼ prodotti jew l-imballaġġ tal-prodotti, jew ħsejjes.

Fl-1 taʼ Ottubru 2017, bʼriżultat tar-Regolament Emendatorju (UE) 2015/2424, dak li kien imsejjaħ ir-“rekwiżit taʼ rappreżentazzjoni grafika” tneħħa.

Fil-prattika, dan ifisser li sakemm it-trademark tiegħek taqaʼ taħt waħda mill-kategoriji taʼ trademarks aċċettati mill-Uffiċċju, u tistaʼ tkun rappreżentata bil-formati aċċettati, inti tistaʼ tippreżentaha bħala applikazzjoni mingħajr ma jkollok bżonn tirrappreżentaha bʼmod grafiku.

word mark figurative mark figurative mark word 3D mark 3D mark with letter position pattern colour mark colour sound mark motion multimedia

 

Xʼtip taʼ trademark tixtieq tipproteġi?

Skont dak li tixtieq tipproteġi (kelma, figura, kulur, eċċ.) għandek opzjonijiet taʼ trademarks differenti. Ara l-għażliet tiegħek.

Is-sinjali li jifformaw trademark iridu jkunu kapaċi jiddistingwu l-prodotti u s-servizzi taʼ impriża waħda minn dawk taʼ impriża oħra.

Sabiex tkun eliġibbli għar-reġistrazzjoni, it-trademark tiegħek trid tkun distintiva u ma għandhiex tiddeskrivi dak li tbigħ.

 
 

It-trademark tiegħek jenħtieġ li tkun distintiva

Il-konsumaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrikonoxxu s-sinjal tiegħek għal dak li hu, pereżempju bħala indikazzjoni tal-oriġini. Jenħtieġ li jiddistingwik minn kumpaniji oħra fis-suq sabiex tkun tistaʼ tipproteġi u tibni l-identità u l-valur tal-marka tiegħek.

It-trademark tiegħek ma jenħtieġx li tiddeskrivi dak li tbigħ

It-trademark tiegħek ma jenħieġx li timmonopolizza sinjal li sempliċement jiddeskrivi l-prodotti u/jew is-servizzi li inti toffri. Sinjali bħal dawn jenħieġ li jibqgħu disponibbli għal kulħadd: għalik u għal kompetituri tiegħek.

 

Għadek ma fhimtx? L-eżempju li ġej jenħtieġ li jneħħi kwalunkwe dubju li għad fadal

Mhux distintiva
Konsumatur mhux ser jara dan il-flixkun, kif ippreżentat hawnhekk, bħala sinjal distintiv li kapaċi jiddistingwi kumpanija waħda minn oħra. Dan is-sinjal jenħtieġ li jibqaʼ disponibbli għall-kumpaniji kollha.

Inbid

Deskrittiva wisq
Fʼdan il-każ, il-konsumaturi mhux sejrin jaraw il-flixkun bħala distintiv, u l-kelma 'inbid' sempliċement tiddeskrivi l-kontenut tal-flixkun. Huma sejrin jarawha biss bħala deskrizzjoni tal-prodott.

Eżempju taʼ kif jenħtieġ li tkun it-trademark tiegħek, distintiva u mhux deskrittiva wisq

Joe
Bloggs

Trademark li tistaʼ tiġi rreġistrata
Madankollu, fʼdan l-eżempju, għalkemm il-flixkun waħdu jista' ma jkunx distintiv, iż-żieda fuq it-tikketta taʼ isem distintiv tgħin biex il-konsumaturi jarawha bħala trademark li tindika marka waħda partikolari.

 

L-EUIPO sejjer jirrifjuta l-applikazzjoni għal trademark tiegħek jekk jemmen li din ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti u ċerti rekwiżiti oħrajn. Jekk tixtieq, inti tista' tivverifika raġunijiet oħrajn għaliex it-trademark tiegħek tista' tiġi rrifjutata (imsejħa wkoll raġunijiet assoluti).

Jekk għandek xi dubju, jenħtieġ li tfittex gwida professjonali. Ma nistgħux nipprovdu parir bħal dan.

 

X’Tipi ta’ trademarks nista’ nirreġistra?

Hemm tliet  tipi ta’ trademarks li tista’ tirreġistra: marki individwali, marki taʼ ċertifikazzjoni u marki kollettivi.

Marka individwali tiddistingwi l-prodotti u s-servizzi ta’ kumpanija partikolari waħda minn dawk ta’ kumpanija oħra.

Madankollu dan ma jfissirx li trademark individwali għandha tkun proprjetà ta’ persuna waħda: trademarks individwali jistgħu jkunu proprjetà ta’ persuna waħda ġuridika jew fiżika jew aktar. Dan ifisser li hemm diversi applikanti.

It-tariffa taʼ applikazzjoni bażika għal trademark individwali tibda bi EUR 850 (mezzi elettroniċi)

Marki kollettivi jiddistingwu l-prodotti u s-servizzi taʼ grupp ta’ kumpaniji jew membri ta’ assoċjazzjoni minn dawk tal-kompetituri. Marki kollettivi jistgħu jintużaw biex tinbena l-fiduċja tal-konsumatur fil-prodotti jew fis-servizzi offruti skont il-marka kollettiva. Taʼ spiss jintużaw biex jiġu identifikati l-prodotti li jikkondividu ċerta karatteristika.

Huma biss l-assoċjazzjonijiet ta’ manifatturi, produtturi, fornituri ta’ servizzi jew negozjanti, kif ukoll persuni ġuridiċi mmexxija mil-liġi pubblika, li jistgħu japplikaw għall-marki kollettivi.

It-tariffa ta’ applikazzjoni għal marka kollettiva hija taʼ EUR 1 500 (mezzi elettroniċi).

Marki taʼ ċertifikazzjoni ġew introdotti fl-EUIPO fl-1 taʼ Ottubru 2017. Dawn huma tip ġdid taʼ trademark fil-livell tal-UE, għalkemm diġà ilhom jeżistu għal ħafna snin fis-sistemi nazzjonali. Jintużaw biex jindikaw li l-prodotti jew is-servizzi jkunu konformi mar-rekwiżiti taʼ ċertifikazzjoni taʼ istituzzjoni jew organizzazzjoni li tiċċertifika; huma sinjal taʼ kwalità sorveljata.

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, inklużi istituzzjonijiet, awtoritajiet u korpi rregolati bil-liġi pubblika, tistaʼ tapplika għal marki taʼ ċertifikazzjoni tal-UE dment li tali persuna ma tmexxix negozju li jinvolvi l-forniment taʼ prodotti jew servizzi tat-tip iċċertifikat.

It-tariffa ta’ applikazzjoni għal marka taʼ ċertifikazzjoni hija taʼ EUR 1 500 (mezzi elettroniċi).

Lista sħiħa tat-tariffi taʼ trademarks 

 

 

Eżempji ta’ trademarks

Marka ta’ kelma

 

 

Marka figurattiva

L-Uffiċċju jaċċetta l-format tal-fajl li ġej: JPEG

 

Marka figurattiva li tinkludi elementi ta’ kliem *

L-Uffiċċju jaċċetta l-format tal-fajl li ġej: JPEG

 

Marka ta’ forma

L-Uffiċċju jaċċetta l-formati tal-fajls li ġejjin: JPEG, OBJ, STL, X3D

 

Marka ta’ forma li tinkludi elementi ta’ kliem*

L-Uffiċċju jaċċetta l-formati tal-fajls li ġejjin: JPEG, OBJ, STL, X3D

 

Marka taʼ pożizzjoni

L-Uffiċċju jaċċetta l-format tal-fajl li ġej: JPEG

 

Marka ta’ motif

L-Uffiċċju jaċċetta l-format tal-fajl li ġej: JPEG

 

Marka ta’ kulur (wieħed)

L-Uffiċċju jaċċetta l-format tal-fajl li ġej: JPEG

 

Marka ta’ kulur (taħlita)

L-Uffiċċju jaċċetta l-format tal-fajl li ġej: JPEG

 

Marka ta’ ħoss

Bit-tneħħija tar-rekwiżit ta’ rappreżentazzjoni grafika, mill-1 ta’ Ottubru 2017 ’il quddiem, l-applikazzjonijiet għal EUTM għall-marki ta’ ħoss jistgħu jkunu biss fajl awdjo li jirriproduċi l-ħoss jew rappreżentazzjoni preċiża tal-ħoss f’notazzjoni mużikali.

L-Uffiċċju jaċċetta l-formati tal-fajls li ġejjin: JPEG, MP3 (massimu 2 Mb)

 

Marka ta’ moviment

L-Uffiċċju jaċċetta l-format tal-fajl li ġej: MP4 (vidjo), JPEG (għal serje ta’ immaġnijiet sekwenzjali ma jiċċaqalqux).

 

Marka multimedjali

Din hija kategorija ġdida ta’ trademark (mill-1 ta’ Ottubru 2017 ’il quddiem).

L-Uffiċċju jaċċetta l-format tal-fajl li ġej: MP4 (massimu 20 Mb)

 

Marka olografika

L-Uffiċċju jaċċetta l-formati tal-fajls li ġejjin: JPEG, MP4 (massimu 20 Mb)

 

*Nota: It-tipi ta’ trademarks immarkati b’asterisk mhumiex kategoriji separati skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-UE dwar it-trademarks. Madankollu, dawn huma ddifferenzjati fil-preżentazzjoni elettronika għal raġunijiet prattiċi u tekniċi.


 

Prodotti u servizzi

L-applikazzjoni tiegħek għal trademark tal-Unjoni Ewropea għandha tinkludi rappreżentazzjoni tat-trademark li tixtieq tirreġistra u lista tal-prodotti u/jew servizzi koperti mill-marka.

Hemm ċerti regoli dwar kif tippreżenta l-lista ta' prodotti u servizzi:

  • Il-prodotti u s-servizzi għandhom ikunu speċifikati fil-mod l-aktar eżatt u preċiż possibbli.
  • Dawn għandhom ikunu kklassifikati taħt waħda mill-klassijiet tal-Klassifikazzjoni ta' Nizza.

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) adotta l-Klassifikazzjoni ta' Nizza għall-klassifikazzjoni ta' prodotti u servizzi. Il-Klassifikazzjoni ta' Nizza tqassam il-prodotti u s-servizzi f'45 kategorija (jew klassi).

It-tariffa ta' EUR850 għall-applikazzjoni tippermettilek tagħżel klassi waħda. Jekk tħallas tariffa addizzjonali ta' EUR50 tista' żżid it-tieni klassi, u għal tliet klassijiet jew aktar ikollok bżonn tħallas EUR150 għal kull klassi.

 

Sib u kklassifika l-prodotti u s-servizzi tiegħek

Meta tapplika għal trademark bl-użu ta' kwalunkwe formola ta' applikazzjoni onlajn tagħna, il-Formola ta' ħames stadji u l- Formola avvanzata, tkun tista' tfittex u tibbrawżja f'lista ta' prodotti u servizzi magħrufa bħala l-Bażi ta' data armonizzata.

Din il-bażi ta' data tinkludi termini li diġà ġew aċċettati mill-EUIPO u mill-uffiċċji tal-proprjetà intellettwali nazzjonali kollha fl-Unjoni Ewropea u lil hinn minnha.

L-aktar mod rapidu ta' kif ikollok it-trademark tiegħek ippubblikata

L-għażla tal-prodotti u s-servizzi tiegħek mill-Bażi ta' data armonizzata tippermettilna nipproċessaw l-applikazzjoni tiegħek mingħajr problemi. L-applikazzjoni tiegħek tista' tkun aċċettata wkoll għal Fast Track, il-proċedura aċċellerata tal-EUIPO biex ikollok l-applikazzjoni tiegħek ippubblikata b'mod aktar rapidu.

Tista' wkoll tuża l-'Elenkatur tal-prodotti u s-servizzi' tagħna sabiex tipprepara l-lista tiegħek qabel ma tapplika. Dan huwa rrakkomandat għall-prattikanti professjonali, peress li xi drabi ikun hemm bżonn li diversi applikazzjonijiet jiġu sottomessi bħala applikazzjoni waħda.

Li tikteb speċifikazzjoni tal-prodotti u s-servizzi huwa att ta' bbilanċjar.

Kun ambizzjuż

Inti, bħala kumpanija, tista' tkun qed tipprovdi aktar prodotti u servizzi milli taħseb. Għalkemm tista' tħossok ċert dwar is-suq li qiegħed fih illum, aħseb dwar kif tixtieq tiżviluppa l-marka tiegħek fil-ġejjieni. Pereżempju, jekk inti timmanifattura l-ħelu llum, inti tista' tkun tixtieq toffri aktar prodotti (bħall-ġelat) fi żmien sentejn jew ħames snin.

Kun realistiku

Jista' jkollok it-tentazzjoni li tagħmel pretensjoni għal firxa wiesgħa ta' prodotti u/jew servizzi, iżda ftakar li, jekk ma tużax il-marka tiegħek fuq il-prodotti u s-servizzi kollha li tapplika għalihom, it-trademark tal-UE tiegħek tista' tkun vulnerabbli għal attakk.

Jekk tillimita l-ispeċifikazzjoni tiegħek, inti se tnaqqas ir-riskju ta' kunflitt ma' marki oħra.

Bilanċ fuq ġebla, li jillustra l-att ta' bbilanċjar ta' meta tagħżel il-prodotti u s-servizzi għat-trademark tiegħek

Jekk jogħġbok ftakar: Malli tkun ippreżentajt l-applikazzjoni tiegħek inti ma tistax iżżid mal-ispeċifikazzjoni tiegħek, għalhekk aħseb bir-reqqa dwar liema prodotti u/jew servizzi se tagħżel.

Sjieda

Teħtieġ li tagħtina d-dettalji tiegħek meta timla l-formola tal-applikazzjoni.

  • L-informazzjoni li tagħti se tintuża biex tidentifikak b'mod ċar bħala s-sid uniku tat-trademark tiegħek.
  • Jista' jkollna bżonn nikkuntattjawk jekk inkunu neħtieġu informazzjoni addizzjonali matul jew wara l-proċess ta' reġistrazzjoni.

Huwa importanti ħafna li żżomna infurmati dwar kwalunkwe bidliet li jsiru fid-dettalji personali tiegħek, bħal numru tat-telefown ta' kuntatt ġdid, eċċ.

X'informazzjoni għandek tipprovdi?

Jekk preċedentement issottomettejt applikazzjoni magħna, dak kollu li trid tagħmel huwa li ddaħħal l-ID uniku li kien assenjat lilek. Aħna nużaw dan in-numru biex nirkupraw id-dettalji tiegħek għalhekk mhux meħtieġ li dawn jerġgħu jiġu ttajpjati.

Tista' ssib in-numru tal-ID tiegħek f'korrispondenza preċedenti jew billi tuża l- applikazzjoni eSearch

Meta tapplika għall-ewwel darba, trid tagħtina d-dettalji tiegħek. Dawn imbagħad jinżammu fil-fajl għall-korrispondenza fil-ġejjieni.

Trid tinfurmana jekk hux qed tapplika bħala kumpanija jew bħala individwu.

L-ikona tidher meta s-sid huwa kumpanija ffurmata minn persuna u bini

Kumpanija

Jekk inti kumpanija, teħtieġ tagħtina d-dettalji li ġejjin:

  • Isem sħiħ u forma ġuridika
  • Pajjiż ta' reġistrazzjoni
  • Indirizz
L-ikona tidher meta s-sid huwa individwu ffurmat minn persuna

Individwu

Jekk inti individwu, teħtieġ tagħtina d-dettalji li ġejjin:

  • Isem u kunjom
  • Nazzjonalità
  • Indirizz

Fiż-żewġ każijiet, huwa importanti ħafna li tagħtina wkoll l-indirizz elettroniku, in-numru tat-telefown u n-numru tal-faks (jekk applikabbli) sabiex inkunu nistgħu nikkuntattjawk faċilment.

Kif se jikkomunika miegħek l-EUIPO ?

L-aktar mod faċli u malajr biex tikkomunika magħna huwa permezz tal-User Area onlajn tiegħek.

Mur fil-User Area, l-għodda ta' ġestjoni tal-EUIPO´

Din tipprovdik bi pjattaforma sigura li minnha tista' tinteraġġixxi magħna b'mod elettroniku.

Jekk jogħġbok innota li aħna naċċettaw il-posta elettronika biss għal komunikazzjonijiet informali, mhux uffiċjali.

Huwa obbligatorju li taħtar rappreżentant?

Bħala kwistjoni ta’ prinċipju, l-applikanti ma jeħtieġux li jkunu rrappreżentati. Madankollu, jekk is-sid ma għandux il-post tan-negozju tiegħu, stabbiliment reali u effettiv jew id-domiċilju tiegħu fiż-Żona Ekonomika Ewropea, irid jaħtar rappreżentant għall-proċeduri kollha quddiem l-Uffiċċju minbarra għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni. Iż-Żona Ekonomika Ewropea hija magħmula mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea flimkien man-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein.

Rappreżentant jista' jkun wieħed minn dawn li ġejjin:

Professjonista legali (jew ekwivalenti, skont il-pajjiż)

Professjonista legali kkwalifikat f'wieħed mill-Istati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea u bil-post tan-negozju tiegħu fiż-ŻEE. Barra minn hekk, irid ikun intitolat li jaġixxi bħala rappreżentant fi kwistjonijiet ta' trademarks u/jew disinji f'dak l-Istat.

Rappreżentant professjonali

Rappreżentant professjonali li ismu jidher fuq il-lista miżmuma mill-EUIPO.

Impjegat ta' persuna fiżika jew ġuridika

Impjegat ta' persuna fiżika jew ġuridika li jkollha d-domiċilju jew il-post ewlieni tan-negozju jew l-istabbiliment industrijali jew kummerċjali reali u effettiv tagħha fiż-Żona Ekonomika Ewropea jista' jirrappreżenta persuni ġuridiċi oħra sakemm iż-żewġ persuni ġuridiċi jkollhom rabtiet ekonomiċi ma' xulxin.

Il-mod ta' kif issir ir-reġistrazzjoni

Applika għal trademark tal-Unjoni Ewropea onlajn minn €850

Irreġistra t-trademark tiegħek
Mod rapidu u faċli

Applika onlajn 

Hemm tliet biċċiet ta' informazzjoni kruċjali fuq il-formola tal-applikazzjoni:

  • Sjieda - kwalunkwe individwu jew kumpanija jista' jkun is-sid ta' trademark tal-UE; id-dettalji jsiru pubbliċi u jridu jinżammu aġġornati sabiex ma jkun hemm l-ebda dubju dwar is-sjieda tal-marka.
  • X'tista' tkun trademark tal-UE - it-trademark tiegħek għandha tkun irrappreżentata b'mod ċar.
  • Prodotti u servizzi - iridu jkunu ddefiniti sabiex kummerċjanti oħra jifhmu liema prodotti u servizzi huma koperti mill-applikazzjoni tiegħek.

Permezz tal-links ta' hawn taħt, aħna se nuruk kif tapplika għal trademark tal-UE u kif tirreġistraha. Mhux iggarantit li l-applikazzjoni jkollha suċċess, iżda dan huwa aktar probabbli jekk tkun ippreparat sew.

Proċess ta' reġistrazzjoni

Inti għadek kemm applikajt għal trademark. X'jiġri mbagħad?

Ladarba tkun ippreżentajtha fl-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), it-trademark tiegħek se tiġi pproċessata minna biex nivverifikaw li tista' tiġi rreġistrata. Hemm diversi stadji.

L-iskeda ta' żmien hija magħmula mill-'perjodu ta' eżaminazzjoni', il-'perjodu ta' oppożizzjoni' u mbagħad ir-reġistrazzjoni. Il-perjodu ta' eżaminazzjoni jibda bil-wasla tal-applikazzjoni u jispiċċa bil-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni. Il-perjodu ta' oppożizzjoni jibda bil-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni u jispiċċa bit-tmiem tal-perjodu ta' oppożizzjoni. Ir-reġistrazzjoni sseħħ wara dan. It-trademark irreġistrata mbagħad tiġi ppubblikata.

Perjodu ta' eżaminazzjoni

Perjodu ta' oppożizzjoni

Reġistrazzjoni

  • Wasla tal-applikazzjoni

  • Pubblikazzjoni tal-applikazzjoni

  • Tmiem il-perjodu ta' oppożizzjoni

  • Pubblikazzjoni tal-marka rreġistrata

 

X'jiġri matul il-perjodu ta' eżaminazzjoni

Il-fluss tax-xogħol li ġej sejjer jagħtik ħarsa ġenerali tal-azzjonijiet li jieħu l-EUIPO matul il-perjodu ta' eżaminazzjoni. Dawn iseħħu kważi simultanjament. Inti tista' ssegwi l-progress tal-istatus tal-applikazzjoni tiegħek onlajn billi taċċessa eSearch jew permezz tal-User Area tiegħek.

Dan li ġej jgħodd għal applikazzjonijiet ippreżentati direttament mal-EUIPO. Sir af dwar il-mod ta' kif għandek tirreġistra għal applikazzjonijiet internazzjonali li jinnominaw lill-Unjoni Ewropea(UE).

L-iskeda ta' żmien tinkludi l-passi li ġejjin: 'data ta' preżentata', 'klassifikazzjoni', 'formalitajiet', 'raġunijiet assoluti', 'traduzzjoni' u 'tfittxija'. Jekk tikklikkja fuq kull wieħed minn dawn l-istadji tingħata aktar informazzjoni. Malli l-istadji kollha jkunu ġew konklużi, it-trademark tiġi ppubblikata.

Perjodu ta' oppożizzjoni





 
 

Jekk insibu żball jew irridu ninfurmawk dwar oġġezzjoni, aħna nibagħtu komunikazzjoni uffiċjali lill-User Area tiegħek li tindika dak li sibna; inti mbagħad għandek xahrejn biex tirrimedja kwalunkwe nuqqas u biex twieġeb. Inti tista' titlob għal estensjoni ta' żmien inizjali ta' xahrejn biex tipprepara t-tweġiba tiegħek. L-ewwel estensjoni normalment se tingħata b'mod awtomatiku iżda t-tieni waħda teħtieġ li tiġi ġġustifikata.

F'ċerti proċeduri, l-applikanti (jew ir-rappreżentant tagħhom) jiġu kkuntattjati bit-telefown mill-eżaminaturi tagħna biex jirrimedjaw għal oġġezzjonijiet sempliċi.

Jekk aħna nemmnu li t-tweġiba tiegħek ma tindirizzax kompletament it-tħassib tagħna, jew jekk tonqos milli twieġeb, aħna noħorġu deċiżjoni finali, fejn jew nirrifjutaw parzjalment jew kompletament l-applikazzjoni tiegħek jew il-pretensjoni li saret fl-applikazzjoni tiegħek (bħal pretensjoni ta' prijorità). Inkella, aħna nistgħu nemendaw id-dettalji tal-applikazzjoni tiegħek jekk dan ikun xieraq (pereżempju, billi nħassru d-deskrizzjoni jew inżidu pretensjoni ta' kulur). Ftakar, jekk inti ma tkunx kuntent bir-riżultat, jew taħseb li sar żball inti għandek id-dritt għal appell.

Jekk l-applikazzjoni tiegħek tiġi rrifjutata, xorta huwa possibbli li teqleb (IP bridge (pont tal-IP)) l-applikazzjoni għat-trademark tal-UE tiegħek f'reġistrazzjonijiet nazzjonali, sakemm ma jeżisti l-ebda kunflitt.

Jekk ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni, aħna se nippubblikaw it-trademark tiegħek bit-23 lingwa uffiċjali tal-UE. Dan ifisser li nagħmlu pubbliku l-fatt li inti applikajt għal din it-trademark partikolari għall-prodotti u/jew is-servizzi speċifikati.

X'jiġri matul il-perjodu ta' oppożizzjoni?

Mid-data ta' pubblikazzjoni 'l quddiem, il-partijiet terzi, li jemmnu li t-trademark tiegħek ma għandhiex tiġi rreġistrata, għandhom tliet xhur biex joġġezzjonaw.

Normalment hemm żewġ raġunijiet għal oġġezzjoni:

Il-parti terza għandha dritt preċedenti (jew aktar minn wieħed) u temmen li tiegħek sejjer, jekk jiġi rreġistrat, ikun konfliġġenti miegħu

Sabiex tiġi evitata l-marka tiegħek milli tiġi rreġistrata, huma għandhom jopponu t-trademark tiegħek billi jimlew formola u jħallsu tariffa ta' EUR 320. Jekk tiġi ppreżentata oppożizzjoni, il-marka tiegħek se tkun soġġetta għal proċeduri ta' oppożizzjoni u trid tirnexxi f-istess tip ta' proċeduri. Oppożizzjoni tista' tiġi ppreżentata fi żmien tliet xhur wara l-pubblikazzjoni ta' trademark.
 

Il-proċedura ta' oppożizzjoni:

Waħda minn kull ħames applikazzjonijiet għat-trademarks tal-UE jiġu opposti mis-sidien ta' trademarks li huma diġà fis-suq. Aħna nieħdu deċiżjoni fuq dan it-tilwim wara li ż-żewġ partijiet, l-applikant u min qiegħed jopponi, ikunu ssottomettew evidenzi u argumenti. L-applikant jista' jnaqqas ir-riskju ta' oppożizzjoni billi jfittex għal kunflitti potenzjali qabel japplika.
 

Id-dijagramma li ġejja se tagħtik ħarsa ġenerali tal-passi differenti tal-proċeduri ta' oppożizzjoni:

L-iskeda ta' żmien tibda bil-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni u tispiċċa bil-pubblikazzjoni tal-marka rreġistrata u hija magħmula mill-passi li ġejjin: 'preżentata ta' oppożizzjoni', 'verifika ta' ammissibilità', ' il-perjodu ta' riflessjoni', 'il-parti kuntrarja tal-proċeduri', u 't-tmiem tal-proċeduri'. Jekk tikklikkja fuq kull wieħed minn dawn l-istadji tingħata aktar informazzjoni.

Il-perjodu ta' preklużjoni

Perjodu ta' eżaminazzjoni

Reġistrazzjoni


 

Id-deċiżjonijiet kollha dwar oppożizzjoni jiġu ppubblikati onlajn u l-partijiet kollha affettwati ħażin għandhom dritt għal appell.

Fejn oppożizzjoni tkun irnexxiet, xorta huwa possibbli li teqleb (pont tal-IP) trademark tal-UE tiegħek f'reġistrazzjonijiet nazzjonali, sakemm ma jeżisti l-ebda kunflitt.

Il-parti terza tqis li t-trademark tiegħek mhux suppost ġiet aċċettata

Dawn jistgħu jinvokaw kwalunkwe 'raġuni assoluta' li jqisu xierqa. Raġunijiet assoluti huma rekwiżiti li t-trademark tiegħek teħtieġ li tissodisfa bħal li tkun distintiva, mhux deskrittiva għan-negozju li tinsab fih u li tkun irrappreżentata b'mod ċar. Biex jopponu t-trademark tiegħek, dawn għandhom jibagħtu komunikazzjoni korrispondenti lill-Uffiċċju li tispjega għaliex jemmnu li t-trademark ma għandhiex tiġi rreġistrata. Din insejħulha 'osservazzjoni ta' parti terza' u hija mingħajr ħlas. Madankollu, din għandha tintuża biss meta teżisti raġuni serja biex tikkontesta t-trademark.

Meta jirċievi l-osservazzjonijiet, l-Uffiċċju joħroġ riċevuta lill-persuna li qiegħda tagħmel l-osservazzjonijiet (l-'osservatur'), u l-osservazzjonijiet jiġu kkomunikati lill-applikant. Wara dan, l-osservatur mhux sejjer jirċievi ebda komunikazzjoni oħra mill-EUIPO. B'mod partikolari, l-osservatur mhux se jkun infurmat dwar ir-riżultat ta' kwalunkwe rieżaminazzjoni tal-applikazzjoni. Madankollu, l-osservaturi li jixtiequ jkunu infurmati dwar id-destin ulterjuri tal-applikazzjoni għal trademark tal-UE kkonċernata sejrin ikunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni dwar l-istatus tagħha permezz ta' eSearch.

Prova tar-reġistrazzjoni

Jekk ħadd ma jippreżenta oppożizzjoni jew osservazzjonijiet ta' parti terza, it-trademark tiegħek tiġi rreġistrata u r-reġistrazzjoni tiġi ppubblikata. Dan isir sabiex sidien oħrajn ta' trademarks u l-pubbliku ġenerali jkunu jafu li din it-trademark partikolari hija tiegħek.

Il-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni hija mingħajr ħlas u jinħareġ ċertifikat ta' reġistrazzjoni.

Inti mistieden tniżżel iċ-ċertifikat jumejn wara l-pubblikazzjoni. Ma sejra tinħareġ l-ebda kopja tal-karta taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni. Madankollu, jistgħu jintalbu kopji ċċertifikati jew mhux iċċertifikati taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni. Dan jista' jkun meħtieġ jekk inti tixtieq titlob pretensjoni ta' prijorità għat-trademark tal-UE tiegħek. Ċerti ġurisdizzjonijiet se jaċċettaw referenza għall-bażi ta' data tagħna (eSearch), filwaqt li oħrajn se jitolbu dokument aktar uffiċjali, li tista' tikseb permezz tat-talba għal spezzjoni tal-fajl.

Kif għandek tikkontesta deċiżjoni tal-Uffiċċju

Partijiet li huma affettwati ħażin minn deċiżjoni finali jistgħu jagħmlu appell. L-għodda eAppeal toffri applikazzjoni unika għall-preżentazzjoni ta' Avviż ta' Appell b'mod elettroniku. Is-sottomissjoni tal-appell issa hija aktar malajr u aktar faċli minn qatt qabel. Tista' taċċessa eAppeal direttament permezz tal-user area tiegħek, fit-taqsima ta' servizzi online, permezz tat-taqsima ta' Formoli u Preżentati, tagħna u taħt Azzjonijiet u Komunikazzjonijiet wara li taċċessa l-fajl f'eSearch Plus.

Il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar 22-02-2019
Aħna nużaw il-cookies fuq is-sit web tagħna biex jappoġġaw karatteristiċi tekniċi li jtejbu l-esperjenza tiegħek bħala utent. Nużaw ukoll l-analitika. Għal aktar informazzjoni kklikkja