Mur fil-paġna ewlenija
EUIPO
Ipproteġi l-marki kummerċjali u d-disinji tiegħek fl-Unjoni Ewropea

Ipproteġi l-proprjetà intellettwali tiegħek fl-Unjoni Ewropea

Menu

Tilwim

Issa li inti sid ta' disinn Komunitarju rreġistrat (RCD), dan jista' jservi bħala bażi biex "tikkontesta" drittijiet potenzjalment kunfliġġenti... iżda jista' wkoll jiġi "kkontestat", jew "attakkat" hu stess.

Dawn l-attakki jistgħu jseħħu f'livelli differenti – jew quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jew quddiem il-qrati nazzjonali. Dan li ġej jiddeskrivi kif għandek tipproċedi quddiem il-EUIPO. Għal informazzjoni dwar azzjonijiet tal-qorti jekk jogħġbok irreferi għat-taqsima "kif tħares id-drittijiet tiegħek".

Għall-kuntrarju tat-trademarks, fejn jista' jinqala' tilwim qabel ir-reġistrazzjoni tat-trademark, id-disinni jistgħu jiġu kkontestati biss ladarba jiġu rreġistrati. Fil-lingwaġġ legali, din ir-rikuża tissejjaħ applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità. Dan li ġej jispjega l-proċedura ta' invalidità kemm mill-perspettiva tal-applikant għall-invalidità kif ukoll tas-sid tal-RCD.


Kif jingħata bidu għall-proċedimenti ta' invalidità

Kif tagħmel preżentata għall-invalidità

Mhux bilfors wieħed juża l-formola uffiċjali biex jippreżenta applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità iżda dan huwa rrakkomandat ħafna peress li jiffaċilita l-ipproċessar tal-applikazzjoni u jevita li jkun hemm żbalji. L-applikazzjoni, inklużi d-dokumenti ta' sostenn, għandhom jiġu sottomessi f'żewġ settijiet: b'hekk sett minnhom ikun jista' jinżamm fl-arkivju tal-Uffiċċju u l-ieħor ikun jista' jintbagħat lis-sid tal-RCD mingħajr ma jkun hemm telf ta' kwalità minħabba l-ikkupjar.

Applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità tista' tiġi ppreżentata lill-EUIPO bil-posta jew bil-faks. Madankollu, mhijiex irrakkomandata li tintbagħat bil-faks peress li l-kwalità tar-rappreżentazzjoni tad-disinn(i) preċedenti tista' tiġi affettwata ħażin bit-trażmissjoni tal-faks u tintilef informazzjoni dwar il-kuluri.

Jekk jogħġbok irreferi għan-noti dwar il-formola ta' applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità ta' disinn Komunitarju rreġistrat jekk għandek xi dubju dwar kif timliha. Huwa rrakkomandat ukoll li tieħu parir legali qabel ma tapplika għal dikjarazzjoni ta' invalidità.

It-tariffa għall-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità hija ta' €350. L-applikazzjonijiet mhumiex sejrin jiġu kkunsidrati bħala ppreżentati sakemm it-tariffa ma tkunx tħallset b'mod sħiħ.

Il-proċess ta' invalidità

L-EUIPO jibgħat l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità lis-sid tal-RCD u jagħtihom xahrejn biex iwieġbu. Jekk is-sid tal-RCD jiddeċiedi li ma jweġibx, l-EUIPO jieħu deċiżjoni abbażi tal-applikazzjoni kif ippreżentata mill-applikant għall-invalidità. Jekk is-sid tal-RCD jiddeċiedi li jwieġeb, l-osservazzjonijiet tagħhom jiġu kkomunikati lill-applikant għall-invalidità minnufih.

Jekk l-EUIPO jikkunsidra li hemm biżżejjed informazzjoni biex jieħu deċiżjoni, huwa jagħmel dan. Jekk le, taf tiġi skambjata sensiela oħra ta' korrispondenza.

Kwalunkwe parti tista' titlob għal estensjoni taż-żmien jekk il-perjodu ta' xahrejn ma jkunx suffiċjenti. Bħala regola ġenerali, l-ewwel talba għal estensjoni ta' dan il-perjodu tingħata awtomatikament. Estensjonijiet ulterjuri jingħataw biss jekk ikunu ġġustifikati b'mod suffiċjenti u xieraq.

L-iskeda ta' żmien tiddeskrivi l-proċess ta' invalidità, l-ewwel pass huwa n-"Notifika ta' dikjarazzjoni ta' invalidità", is-sid tal-RCD għandu xahrejn biex iwieġeb. Il-pass li jmiss huwa n-"Notifika tal-osservazzjonijiet tas-sid tal-RCD lill-applikant għall-invalidità" xahrejn minn dan il-mument huwa l-Limitu ta' żmien finali għall-applikant għall-invalidità biex iwieġeb.

  • Xahrejn (2)
  • Xahrejn (2)
  • Notifika ta' dikjarazzjoni ta' invalidità
  • Skeda ta' żmien għas-sid tal-RCD biex iwieġeb
  • Notifika tal-osservazzjonijiet tas-sid tal-RCD lill-applikant għall-invalidità
  • Limitu ta' żmien finali għall-applikant għall-invalidità biex iwieġeb

Raġunijiet għall-invalidazzjoni

L-Artikolu (25)(1)(b) tar-Regolament dwar id-disinni jiddikjara r-raġunijiet differenti li jistgħu jiġu invokati. L-aktar li jintużaw huma li d-disinn mhuwiex ġdid jew li ma għandux karattru individwali. Fil-linji gwida wieħed jista' jsib raġunijiet oħra.

Kulħadd jista' jippreżenta talba għall-invalidità. Ma għandekx għalfejn tkun SID ta' dritt preċedenti sabiex tippreżenta talba bħal din. Kulma għandek tipprova huwa li d-disinn mhuwiex ġdid jew ma għandux karattru individwali, u dan tagħmlu billi turi li l-istess disinn jew ieħor simili, kemm jekk tiegħek u anke jekk le, kien jeżisti qabel dak li t-talba għall-invalidità kienet diretta lejh.


Prova

Għandhom jiġu pprovati żewġ affarijiet sabiex applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità bbażata fuq nuqqas ta' oriġinalità jew karattru individwali jkollha suċċess:

  • Li jkun ġie żvelat disinn preċedenti.
  • Li ż-żewġ disinni jagħtu l-istess impressjoni ġenerali lill-utent infurmat.

Il-EUIPO sejjer jivvaluta l-impressjoni ġenerali jekk ikun ġie żvelat disinn preċedenti.

Żvelar ta' disinn preċedenti

Hija meħtieġa rappreżentazzjoni tad-disinn(i) preċedenti, appoġġjata mill-evidenza dokumentarja tal-iżvelar.

Il-lista li ġejja tinkludi eżempji ta' dokumenti li jistgħu jkunu utli għal dan l-iskop. Il-linji gwidi jispjegaw kif l-EUIPO jivvalutahom u kemm jingħata valur lil kull wieħed minnhom:

  • Il-Pubblikazzjonijiet uffiċjali: il-pubblikazzjoni ta' disinn preċedenti fil-bullettin ta' kwalunkwe uffiċċju tal-IP madwar id-dinja, ġeneralment tikkostitwixxi żvelar, l-istess bħall-pubblikazzjonijiet fil-bullettini tat-trademarks u tal-privattivi.

  • Esibizzjonijiet u l-użu fil-kummerċ: li disinn jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku f'esibizzjoni internazzjonali fi kwalunkwe post fid-dinja, ġeneralment jikkostitwixxi żvelar, l-istess bħall-użu fil-kummerċ.

  • L-iżvelar fuq l-internet: bħala kwistjoni ta' prinċipju, l-iżvelar fuq l-internet jifforma parti mill-arti preċedenti. L-informazzjoni żvelata fuq l-internet jew fuq bażijiet ta' data online hija kkunsidrata bħala disponibbli pubblikament mid-data li fiha l-informazzjoni tkun ġiet imtella'. Madankollu, in-natura tal-internet jaf tagħmilha diffiċli biex tiġi stabbilita d-data attwali meta l-informazzjoni tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku: mhux is-siti web kollha jsemmu meta ġew ippubblikati.

  • Dikjarazzjonijiet bil-miktub, iġġuramentati jew affermati (affidavits): bħala kwistjoni ta' prinċipju, l-affidavits fihom infushom mhumiex suffiċjenti biex jiġi pprovat l-iżvelar ta' disinn preċedenti. Madankollu, dawn jistgħu jikkorroboraw u/jew jikkjarifikaw il-preċiżjoni ta' dokumenti oħrajn.

Impressjoni ġenerali fuq l-utent infurmat

Meta tqabbel żewġ disinni, l-EUIPO japplika l-istess kriterji li għandhom jiġu applikati meta ssir tfittxija għal drittijiet preċedenti u jinstabu drittijiet potenzjalment simili. Tista' ssib aktar informazzjoni dwar kif għandek tivvaluta l-impressjoni ġenerali fil-linji gwida.

Konklużjoni tal-proċedimenti ta' invalidità

Proċedura ta' invalidità tasal fi tmiemha:

  • Jew peress li waħda mill-partijiet (jew it-tnejn li huma) tiddeċiedi (jiddeċiedu) li ttemm (jtemmu) l-proċedimenti (peress li l-partijiet ikunu sabu soluzzjoni amikevoli, peress li l-applikant għall-invalidità jirtira l-applikazzjoni tiegħu jew peress li s-sid tal-RCD iċedi d-disinn Komunitarju).
  • Jew peress li l-EUIPO joħroġ deċiżjoni li tikkonkludi l-proċedimenti. Kwalunkwe parti fil-proċedimenti ta' invalidità għandha d-dritt li tappella kontra deċiżjoni li taffettwaha ħażin.

Disinn Komunitarju li jkun ġie ddikjarat invalidu jitqies bħallikieku qatt ma eżista.

Min iħallas l-ispejjeż

Liema parti għandha tagħmel tajjeb għall-ispejjeż jiddependi mill-eżitu tad-deċiżjoni jew minn min itemm il-proċedimenti.

Meta l-EUIPO joħroġ deċiżjoni ġeneralment ikun hemm żewġ eżiti possibbli:

L-RCD ma jiġix iddikjarat invalidu

L-applikant iħallas l-ispejjeż ta' rappreżentazzjoni lis-sid tal-RCD – ġeneralment €400.

L-RCD jiġi ddikjarat invalidu

Is-sid tal-RCD iħallas l-ispejjeż lill-applikant - ġeneralment €750, li huma magħmula minn €350 għat-tariffa tal-applikazzjoni għall-invalidità u €400 għall-ispejjeż ta' rappreżentazzjoni.


Il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar 22-02-2016
Aħna nużaw il-cookies fuq is-sit web tagħna biex jappoġġaw karatteristiċi tekniċi li jtejbu l-esperjenza tiegħek bħala utent. Nużaw ukoll l-analitika. Għal aktar informazzjoni kklikkja