Mur fil-paġna ewlenija
EUIPO
Ipproteġi l-marki kummerċjali u d-disinji tiegħek fl-Unjoni Ewropea

Ipproteġi l-proprjetà intellettwali tiegħek fl-Unjoni Ewropea

Menu

Disinni fl-Unjoni Ewropea

Oħloq l-"istrateġija għall-protezzjoni tad-disinn" tiegħek

Ejjew nimmaġinaw li tkun ħloqt disinn ġdid. Trid tikkummerċjalizza u tqassam dan il-prodott fis-suq tal-Unjoni Ewropea (UE), iżda tibża' li ħaddieħor sejjer jisfrutta l-benefiċċji tad-disinn il-ġdid tiegħek li għadu kif ġie abbozzat. Għalhekk trid tipproteġih.




Protezzjoni rreġistrata jew mhux irreġistrata?

Għandek żewġ għażliet: jew tipproteġi d-disinn tiegħek mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) qabel ma tqiegħdu fis-suq u tikseb disinn Komunitarju rreġistrat (RCD) jew, inkella, tqiegħdu fis-suq direttament mingħajr reġistrazzjoni billi tibbaża ruħek fuq dak li hu magħruf bħala d-dritt ta' disinn Komunitarju mhux irreġistrat (UCD).

L-opzjoni li eventwalment tagħżel sejra tiddependi mill-impatt li għandha fuq l-istrateġija tal-portafoll tad-disinni tiegħek.


Disinn Komunitarju rreġistrat jew disinn Komunitarju mhux irreġistrat?

It-tnejn li huma joffru l-protezzjoni li ġejja:

  • Il-manifattura ta' prodott li jinkorpora disinn protett (jew li jiġi applikat disinn għalih) mingħajr il-kunsens tal-propjetarju tiegħu tkun ikkunsidrata illegali.
  • It-tqegħid ta' prodott fis-suq li jinkorpora d-disinn protett (jew li jiġi applikat disinn għalih) mingħajr il-kunsens tal-propjetarju tiegħu ikun ikkunsidrat illegali.
  • L-offerta ta' prodott għal bejgħ li jinkorpora disinn protett mingħajr il-kunsens tal-propjetarju tiegħu tkun ikkunsidrata illegali.
  • It-tqegħid fis-suq ta' prodott li jinkorpora d-disinn protett mingħajr il-kunsens tal-propjetarju tiegħu tkun ikkunsidrata illegali.
  • L-importazzjoni/esportazzjoni ta' prodott li jinkorpora d-disinn protett mingħajr il-kunsens tal-propjetarju tiegħu jiġu kkunsidrati illegali.

Madankollu, l-RCDs u l-UCDs huma pjuttost differenti f'termini ta' kamp ta' applikazzjoni tal-protezzjoni u d-durata.

Differenzi fid-durata

RCD

Disinn Komunitarju rreġistrat huwa inizjalment validu għal ħames snin mid-data ta' preżentazzjoni u jista' jiġġedded għal perjodi ta' ħames snin sa massimu ta' 25 sena.

UCD

Disinn Komunitarju mhux irreġistrat jingħata protezzjoni għal perjodu ta' tliet snin mid-data fejn id-disinn tqiegħed l-ewwel darba għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fi ħdan it-territorju tal-Unjoni Ewropea. Wara tliet snin, il-protezzjoni ma tistax tiġi estiża.


L-att ta' tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jissejjaħ "żvelar". L-iżvelar ta' disinn u l-kapaċità li tintwera l-prova ta' dan huma essenzjali biex tiġi ddisinjata l-protezzjoni.

Differenzi fil-kamp ta' applikazzjoni

RCD

Id-disinni Komunitarji rreġistrati huma protetti kontra disinni simili anki meta d-disinn li jikser id-dritt ikun ġie żviluppat in bona fede, jiġifieri mingħajr l-għarfien tal-eżistenza tad-disinn preċedenti.

UCD

Id-disinni Komunitarji mhux irreġistrati jagħtu d-dritt li ma jsirx użu kummerċjali ta' disinn biss jekk dak id-disinn huwa kopja intenzjonali ta' dak protett, magħmul in mala fede, jiġifieri li jkun hemm għarfien dwar l-eżistenza tad-disinn preċedenti.


Il-protezzjoni legali mogħtija minn disinn irreġistrat hija aktar b'saħħitha u aktar trasparenti. Min-naħa l-oħra, mhux dejjem faċli li tagħti prova li żvelajt disinn fl-Unjoni Ewropea (UE) fi żmien partikolari. Jista' jkun diffiċli wkoll li tagħti prova li d-disinn tiegħek ġie kkupjat intenzjonalment u li l-kontraventur kellu jkun jaf dwar l-eżistenza tad-disinn tiegħek. Madankollu, disinn irreġistrat jipprovdilek ċertifikat, li jagħmilha aktar faċli biex tagħti prova tas-sjieda.

B'dawn iż-żewġ kwistjonijiet ewlenin f'moħħok, issa tista' tibda tfassal l-istrateġija tal-protezzjoni tad-disinn tiegħek.



Jekk żvelajt id-disinn tiegħek u mbagħad tiddeċiedi li trid tapplika għal reġistrazzjoni ta' disinn —jew għaliex trid protezzjoni sħiħa jew għal raġunijiet ta' strateġija tal-proprjetà intellettwali - xorta tista' tagħmel dan fi żmien sena mill-iżvelar. Dan huwa magħruf bħala l-"perjodu ta' grazzja". Jekk tirreġistra d-disinn tiegħek wara dak, dan ikun vulnerabbli għall-attakki.

Protezzjoni Nazzjonali jew mifruxa fl-Ewropa kollha?

Ladarba tkun ħadt id-deċiżjoni li tirreġistra d-disinn tiegħek, il-mistoqsija li jmiss li trid tiffaċċja hija "fejn għandek tirreġistra?" It-tweġiba tiddependi mill-istrateġija tal-IP u kummerċjali tiegħek.

Jekk tinnegozja f'pajjiż wieħed tal-UE, jaf tkun trid tirreġistra d-disinn tiegħek hemmhekk. Għandek id-dritt esklussiv għalih fi ħdan il-pajjiż tal-għażla tiegħek iżda ma tkunx tista' żżomm lil xi ħadd milli jikkupjah f'pajjiżi oħrajn tal-UE.

Jekk tinnegozja f'aktar minn pajjiż wieħed tal-UE, għandek tikkunsidra l-opzjoni li tikseb dritt ta' disinn li huwa validu fl-UE kollha: disinn Komunitarju rreġistrat (RCD). L-RCD huwa kollox jew xejn: jew iġġibu għal kollha jew ma ġġibu xejn.


Vantaġġi tal-RCD:

Vantaġġi prattiċi

  • L-RCDs huma rregolati minn sistema legali unika, li tipprovdi protezzjoni b'saħħitha u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha.
  • Huwa faċli biex RCD tirreġistrah. Hemm applikazzjoni waħda, lingwa waħda ta' preżentazzjoni u fajl wieħed li għandu jiġi ġestit.
  • Ir-reġistrazzjoni tal-RCD toffri l-possibbiltà li jiġu ppreżentati applikazzjonijiet multipli (jiġifieri li jiġu inklużi diversi disinni f'applikazzjoni waħda, bħal varjazzjonijiet tal-istess disinn).

Vantaġġi finanzjarji

  • It-tariffa għar-reġistrazzjoni u l-pubblikazzjoni ta' disinn hija ta' €350 għal protezzjoni ta' ħames snin
  • RCD jiffrankalek l-ispejjeż amministrattivi u ta' traduzzjoni
  • Is-sistema tad-disinni toffri "skont fuq il-bejgħ bl-ingrossa". Għal applikazzjoni multipla, it-tariffi għar-reġistrazzjoni tat-tieni sal-għaxar disinn huma soġġetti għal 50% skont filwaqt, għall-ħdax-il disinn 'il quddiem, it-tariffa hija biss ta' 25% tat-tariffa bażika għal kull disinn.

L-EUIPO jew il-WIPO?

Hemm żewġ rotot possibbli meta ssir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' disinn Komunitarju.

Tista' tippreżenta applikazzjoni jew mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jew permezz tal-Bureau Internazzjonali tal- Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO)f'liema każ trid tinnomina lill-Unjoni Ewropea.

Irrispettivament mill-mod li tiddeċiedi li ssegwi, l-applikazzjoni tiegħek sejra tiġi eżaminata mill-EUIPO.

Fl-EUIPO, nimmaniġġjaw reġistru pubbliku ta' disinni Komunitarji rreġistrati. Biex niżguraw li nżommu r-reġistru fl-ogħla standard, għandna numru ta' rwoli:

Gwardjan

Niċċekkjaw il-formoli ta' applikazzjoni kollha biex jiġi żgurat li huma kompletament korretti.

Teħid ta' deċiżjonjiet

Fejn ikun hemm tilwim dwar il-kamp ta' applikazzjoni jew il-validità ta' RCD, niġġudikaw il-każijiet.

Amministrattiv

Jekk tilliċenzja jew tbigħ id-disinn tiegħek, aħna nirreġistraw it-tranżazzjoni.

Il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar 19-02-2016
Aħna nużaw il-cookies fuq is-sit web tagħna biex jappoġġaw karatteristiċi tekniċi li jtejbu l-esperjenza tiegħek bħala utent. Nużaw ukoll l-analitika. Għal aktar informazzjoni kklikkja