Mur fil-paġna ewlenija
EUIPO
Ipproteġi l-marki kummerċjali u d-disinji tiegħek fl-Unjoni Ewropea

Ipproteġi l-proprjetà intellettwali tiegħek fl-Unjoni Ewropea

Menu

Marki ta’ Ċertifikazzjoni u Marki Kollettivi

Minbarra l-marki individwali, hemm żewġ tipi oħra ta’ trademarks li jistgħu jiġu rreġistrati fl-EUIPO - marki ta' ċertifikazzjoni u marki kollettivi. Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar iż-żewġ tipi ta’ marki, kif ukoll riżorsi biex jgħinuk meta tapplika għalihom.

Il-marka kollettiva tal-UE tindika li l-oġġetti jew is-servizzi protetti minn dik il-marka joriġinaw minn membri ta’ assoċjazzjoni, u jistgħu jintużaw minnhom biss.

Madankollu, il-marka ta’ ċertifikazzjoni tal-UE hija indikazzjoni li l-oġġetti jew is-servizzi jissodisfaw ċerti karatteristiċi, kif definiti fir-regolamenti dwar l-użu

Powster ta’ Konfetti minn Toulouse-Lautrec, eżempju ta’ kif trademark issir xogħol ta’ arti
 

Marki ta’ ċertifikazzjoni:

Il-marki ta’ ċertifikazzjoni tal-UE huma tip ġdid ta’ trademark fis-sistema tal-EUTM. Huma sinjali li jfittxu li jiċċertifikaw ċerti karatteristiċi tal-oġġetti u s-servizzi (pereżempju, il-kwalità tagħhom), u sar possibbli li ssir applikazzjoni għalihom mill-1 ta’ Ottubru 2017.

Ir-Regolament dwar it-trademark tal-UE jiddefinixxi marka ta’ ċertifikazzjoni tal-UE bħala marka li "tkun kapaċi tiddistingwi l-oġġetti jew is-servizzi li huma ċertifikati mill-proprjetarju tal-marka fir-rigward ta’ materjal, il-metodu ta' manifattura ta’ oġġetti jew tat-twettiq tas-servizzi, il-kwalità, il-preċiżjoni jew karatteristiċi, bl-eċċezzjoni tal-oriġini ġeografika, minn oġġetti u servizzi li mhumiex iċċertifikati b’dan il-mod." (Artikolu 83(1) tal-EUTMR).

Trademarks individwali u ta’ ċertifikazzjoni tal-UE jvarjaw fil-funzjoni tagħhom, iżda wkoll f'xi aspetti aktar formali. Differenza importanti bejn marka individwali u marka ta’ ċertifikazzjoni hija li s-sid ta' marka ta’ ċertifikazzjoni (persuna fiżika jew ġuridika, istituzzjoni jew awtoritajiet u korpi regolati mil-liġi pubblika) ma jistax imexxi negozju li jinvolvi l-provvista tal-oġġetti u s-servizzi tat-tip iċċertifikat.

Marki ta’ ċertifikazzjoni tal-UE: dmir ta’ newtralità

Jekk inti għandek marka ta’ ċertifikazzjoni tal-UE, tista' tiċċertifika l-oġġetti u s-servizzi li oħrajn se jużaw fin-negozju tagħhom, iżda ma tistax tiċċertifika l-oġġetti u s-servizzi tiegħek stess u tużaha inti stess. Is-sid tal-marka ta’ ċertifikazzjoni tal-UE għandu dmir ta' newtralità fir-rigward tal-interessi tal-produtturi tal-oġġetti jew tal-fornituri tas-servizzi li huwa jiċċertifika.

Marki ta’ ċertifikazzjoni tal-UE: eskluża l-oriġini ġeografika

Importanti ħafna, marka ta’ ċertifikazzjoni tal-UE ma tistax tintuża biex tiċċertifika l-oriġini ġeografika ta' oġġetti u servizzi. Is-sinjal, ir-regolamenti dwar l-użu u l-lista ta’ oġġetti u servizzi huma koperti minn din il-projbizzjoni.

Essenzjalment, marka ta’ ċertifikazzjoni tal-UE hija relatata mal-garanzija ta' karatteristiċi speċifiċi ta’ ċerti oġġetti u servizzi. Hemm erba’ affarijiet li għandek tiftakar meta tapplika għal marka ta' ċertifikazzjoni tal-UE:

:

  • Bħal marka individwali, marka ta’ ċertifikazzjoni tal-UE għandha tkun sinjal li jista' jiġi rappreżentat fir-Reġistru tat-trademarks tal-UE. Barra minn hekk, dak is-sinjal għandu jkun jista’ jiddistingwi l-oġġetti u s-servizzi li huma ċċertifikati minn oħrajn li mhumiex iċċertifikati hekk.
  • Meta tapplika għal marka ta’ ċertifikazzjoni tal-UE, għandek tiddikjara b'mod ċar ħafna li qed tagħmel hekk (permezz ta' indikazzjoni ċara tat-tip ta’ marka fl-applikazzjoni).
  • Int għandek tapplika għall-marka ta’ ċertifikazzjoni tal-UE tiegħek fir-rigward tal-oġġetti u s-servizzi li se jkunu ċċertifikati minnek bħala s-sid tal-marka (tista' tuża l-Goods and Services Builder biex jgħinek).
  • Għandek tinkludi r-regolamenti dwar l-użu tal-marka ta’ ċertifikazzjoni tal-UE li qed tapplika għaliha. Ir-regolamenti dwar l-użu huma l-essenza tal-marka ta’ ċertifikazzjoni tal-UE. Għandhom jiġu ppreżentati fi żmien xahrejn mill-applikazzjoni u jeħtieġ li jinkludu, b'mod partikolari:
    • id-dikjarazzjoni mill-applikant li hu ma jwettaqx negozju li jinvolvi l-forniment ta' oġġetti jew servizzi tat-tip iċċertifikat;
    • il-karatteristiċi tal-oġġetti jew tas-servizzi li għandhom jiġu ċċertifikati;
    • il-kundizzjonijiet dwar l-użu tal-marka ta’ ċertifikazzjoni tal-UE;
    • l-ittestjar u l-miżuri ta’ superviżjoni li għandhom jiġu applikati minnek bħala s-sid ta' marka ta’ ċertifikazzjoni tal-UE.

Biex jgħin lill-utenti, l-EUIPO ħejja mudell, li huwa disponibbli hawn taħt fi 23 lingwa, biex jiggwida lill-applikanti tal-marka ta’ ċertifikazzjoni tal-UE fil-proċess tal-abbozzar tar-regolamenti dwar l-użu.

Mudell tar-regolamenti dwar l-użu: Marki ta’ ċertifikazzjoni tal-UE

 

 

Eżempji ta’ marki ta' ċertifikazzjoni rreġistrati fl-EUIPO:

017321738
Trademark mingħajr test

Sidien:
Prüfgemeinschaft Mauerbohrer e. V.

017285578
NORMPACK
Sidien:
Sierteelt Verpakkings Pool C.V.

017384496
VERIFIKATA minn SafeShops.be

Klassi 35

Sidien:
SafeShops.be

017878132
CAAE

Klassijiet 3, 29, 30 , 31, 32, 33

Sidien:
ASOCIACIÓN VALOR ECOLOGICO, CAAE

 

It-tariffi bażiċi għall-applikazzjoni għal marka ta’ ċertifikazzjoni tal-UE huma EUR 1,800, jew EUR 1,500 jekk tapplika għaliha online.

 

Aktar informazzjoni dwar it-tariffi.

 

 

Marki kollettivi:

Il-marka kollettiva tal-UE tindika l-oriġini kummerċjali ta’ ċerti oġġetti u servizzi billi tinforma lill-konsumatur li l-produttur tal-oġġetti jew il-fornitur tas-servizz jappartjeni għal ċerta assoċjazzjoni u li għandu d-dritt li juża l-mark.

Ir-Regolament dwar it-trademark tal-EU jiddefinixxi marka kollettiva bħala marka li "kapaċi tiddistingwi l-prodotti jew servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija proprjetarja ta’ dik il-marka minn dawk ta' impriżi oħrajn." (Artikolu 74 EUTMR).

Marki kollettivi tal-UE jistgħu jintużaw biex tinbena l-fiduċja tal-konsumatur fl-oġġetti jew fis-servizzi offruti skont il-marka kollettiva. Ħafna drabi jintużaw biex jidentifikaw oġġetti jew servizzi ta’ produtturi li għandhom interessi simili.

Marki kollettivi tal-UE: min jista’ japplika

Huma biss l-assoċjazzjonijiet ta’ manifatturi, produtturi, fornituri ta’ servizzi jew negozjanti, kif ukoll persuni ġuridiċi rregolati mil-liġi pubblika (sakemm ikollhom organizzazzjoni simili għal dik tal-assoċjazzjonijiet), li jistgħu japplikaw għall-marki kollettivi tal-UE.

Marki kollettivi tal-UE: oriġini ġeografika

Huwa possibbli li tiġi rreġistrata marka kollettiva tal-UE li tindika l-oriġini ġeografika tal-oġġetti jew tas-servizzi li tkopri. Ir-regolamenti dwar l-użu għandhom imbagħad jawtorizzaw b'mod espliċitu lil kull min għandu oġġetti u servizzi li joriġinaw fiż-żona ġeografika inkwistjoni biex isir membru tal-assoċjazzjoni li għandha s-sjieda tal-marka (Artikolu 75(2) EUTMR).

Ir-regolamenti dwar l-użu jiffurmaw parti integrali minn kwalunkwe marka kollettiva. Għandhom jiġu ppreżentati fi żmien xahrejn mill-applikazzjoni:

  • Għandhom jispeċifikaw il-persuni awtorizzati biex jużaw il-marka u l-kundizzjonijiet għas-sħubija fl-assoċjazzjoni. Jistgħu wkoll jinkludu l-kundizzjonijiet dwar l-użu tal-marka.
  • Jekk il-marka kollettiva tiddeskrivi l-indikazzjoni ġeografika tal-oġġetti u tas-servizzi li tkopri, ir-regolamenti dwar l-użu għandhom jinkludu l-awtorizzazzjoni speċifika għal kull min għandu oġġetti u servizzi li joriġinaw fiż-żona ġeografika inkwistjoni biex isir membru tal-assoċjazzjoni li għandha s-sjieda tal-marka.

Biex jgħin lill-utenti, l-EUIPO ħejja mudell,li huwa disponibbli hawn taħt fi 23 lingwa, biex jiggwida lill-applikanti tal-marka kollettiva fil-proċess tal-abbozzar tar-regolamenti dwar l-użu

Mudell tar-regolamenti dwar l-użu: Marki kollettiva tal-UE

 

Eżempji ta’ marki kollettivi rreġistrati fl-EUIPO:

Eżempji ta’ marki kollettivi rreġistrati fl-EUIPO:

014249981
AZAFRAN DE LA MANCHA CONSEJO REGULADOR DOP AZAFRAN DE LA MANCHA

Klassi: 30

Sidien:
FUNDACION ‘CONSEJO REGULADOR DE LA DENOMINACION DE ORIGEN AZAFRAN DE LA MANCHA’

018181726
FLOWERS OF COLOMBIA

Klassi: 31

Sidien:
Asociación Colombiana De Exportadores De Flores ASOCOLFLORES

018146073
CICERO

Klassi: 41 u 45

Sidien:
Cicero League of International Lawyers

018120107
Membru Sħiħ NB Rail ASSOCIATION

Klassi: 42

Sidien:
Association NB-Rail

 

It-tariffi bażiċi għall-applikazzjoni għal marka kollettiva tal-UE huma EUR 1,800, jew EUR 1,500 jekk tapplika għaliha online.

 

Aktar informazzjoni dwar it-tariffi.

 

 

Riżorsi ta’ informazzjoni

 

 

Il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar 22-09-2017
Aħna nużaw il-cookies fuq is-sit web tagħna biex jappoġġaw karatteristiċi tekniċi li jtejbu l-esperjenza tiegħek bħala utent. Nużaw ukoll l-analitika. Għal aktar informazzjoni kklikkja