Mur fil-paġna ewlenija
EUIPO
Ipproteġi l-marki kummerċjali u d-disinji tiegħek fl-Unjoni Ewropea

Ipproteġi l-proprjetà intellettwali tiegħek fl-Unjoni Ewropea

Menu

Awtentikazzjoni jew legalizzazzjoni ta' kopji ċċertifikati

Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regoli 84(6) u 89(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, u tal-Artikoli 74(4) u (5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill dwar Disinji Komunitarji, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) joħroġ kopji ċċertifikati tal-applikazzjonijiet, iċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni jew dokumenti involuti fi kwistjonijiet ittrattati minnu, kif ukoll estratti ċċertifikati mir-Reġistru tat-trade marks jew disinji tal-Unjoni Ewropea.

Barra minn dan, ċertu pajjiżi terzi jeħtieġu li l-kopji ċċertifikati jiġu awtentikati jew legalizzati qabel jaċċettawhom bħala l-bażi għal pretensjoni ta' prijorità quddiem l-Uffiċċju nazzjonali tagħhom jew kwalunkwe pretensjoni oħra quddiem l-awtoritajiet tagħhom.

Għaldaqstant, fid-19 ta' Settembru 2000, il-Kummissjoni Ewropea adottat proċedura, ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tawtorizza lill-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea fi Spanja li jawtentika l-firma tad-dokumenti maħruġa mill-EUIPO.


Proċedura

Talbiet għal kopji ċċertifikati għandhom jintbagħtu lill-EUIPO permezz tal-formola ta' 'applikazzjoni għal Spezzjoni ta' fajl' xierqa, fejn jiġi speċifikat fit-taqsima rilevanti li l-kopji huma għall-preżentazzjoni f'pajjiż terz li jeħtieġhom awtentikati, u jiġi/jiġu speċifikat/i fil-post adegwat il-pajjiż/i terz/i li għalih/om tali legalizzazzjoni hija meħtieġa.

Imbagħad l-EUIPO joħroġ il-kopji ċċertifikati bil-mod tas-soltu u jibgħathom lir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea fi Spanja fl-indirizz li ġej:

Comisión Europea, Representación en España
Paseo de la Castellana, 46 E-28046 Madrid (Spanja)

Tel: (+34) 914 238 000

Barra minn hekk, l-EUIPO jibgħat notifika fejn fiha jinforma lill-applikant li d-dokumenti mitluba ntbagħtu lir-Rappreżentanza.

Ladarba r-Rappreżentanza tirċievi d-dokumenti mill-EUIPO, il-Kap tar-Rappreżentanza jiċċertifika l-awtentiċità tal-firma li tidher fihom; id-dokumenti mbagħad jintbagħtu fl-indirizz speċifikat mill-applikant fl-applikazzjoni oriġinali għal spezzjoni jew inkella jinġabru personalment mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Madrid.

Kemm-il darba l-applikant ikollu diġà kopja ċċertifikata, din tista' tintbagħat bil-posta lir-Rappreżentanza f'Madrid jew inkella tittieħed hemmhekk stess personalment. Id-dokumenti li se jiġu legalizzati għandhom ikunu akkumpanjati minn ittra li tiddikjara min qed japplika għal legalizzazzjoni (indirizz postali u ismijiet ta' kuntatt), il-pajjiż li għalih qed tintalab il-legalizzazzjoni u jew l-indirizz fejn id-dokument għandu jintbagħat, jew inkella jekk il-persuna tippreferi tiġbor id-dokument hi personali jew, numru ta' telefon ta' kuntatt.

Għandha tingħata attenzjoni li l-kopji ċċertifikati li jitniżżlu direttament mis-sit web tal-EUIPO jkunu ta' kwalità tajba għall-istampar u jkunu stejpiljati jew imwaħħla kif xieraq.

Ladarba tinkiseb il-legalizzazzjoni mir-Rappreżentanza ta-Kummissjoni Ewropea, l-applikant għandu jsegwi l-proċeduri adegwati fl-Ambaxxata jew fil-Konsolat tal-pajjiż terz (id-destinazzjoni tad-dokumenti) fi Spanja. Qabel ma jaċċettaw dokumenti bħal dawn, bosta pajjiżi jeħtieġu wkoll legalizzazzjoni sussegwenti mill-Ministru Spanjol tal-Affarijiet Barranin.

Għaldaqstant, aħna nirrakkomandaw lill-applikanti li jikkuntattjaw lill-Ambaxxata tal-pajjiż terz ikkonċernat jekk ma jkunux ċerti dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita. Indirizzi ta' kuntatt għall-ambaxxati tal-pajjiżi akkreditati fi Spanja.

Finalment, jekk jogħġbok innota li la l-EUIPO u lanqas il-Kummissjoni mhuma responsabbli għal prattiki implimentati jew għal deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi b'konnessjoni mal-legalizzazzjoni ta' dokumenti maħruġa mill-EUIPO.

Il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar 25-02-2016
Aħna nużaw il-cookies fuq is-sit web tagħna biex jappoġġaw karatteristiċi tekniċi li jtejbu l-esperjenza tiegħek bħala utent. Nużaw ukoll l-analitika. Għal aktar informazzjoni kklikkja
x